Ftakart f’dak li kien qal u għalhekk fittixt biex inkun nista’ nikkwotah. Qabel l-aħħar elezzjoni kien qalilna li Keith Schembri jkollu jwarrab jekk jiġi mixli.
U sibt ukoll rapport dwar diskors li kien għamel il-prim ministru fl-2017 hu u jħabbar il-Kabinett li fiħ ikkonferma lil Keith Schembri bħala ċ-chief of staff tiegħu u fejn kien qal ukoll li jekk jinbdew investigazzjonijiet kriminali kontrih, ikollu jwarrab. Dan jirriżulta mill-website tal-Kamra tal-Kummerċ. Issa biex jipprova jiżgiċċa, forsi se jitħajjar igħidilna li tal-Kamra tal-Kummerċ m’humiex ġurnalisti esperti u għalhekk setgħu ħadu żball.
Madankollu bis-saħħa tal-Kenniesa, il-kwotazzjoni li ridt irnexxieli nsibha. Dan kien meta Joseph Muscat, waħdu, poġġa bilqiegħda fuq pultruna quddiem Saviour Balzan. Kien qalilna: “Keith Schembri diġà qal li jekk b’xi mod jew ieħor tinbeda’ xi tip ta’ investigazzjoni kriminali dwaru, huwa jwarrab minnufih minn kull kariga li jkollu”. M’għandniex xi ngħidu, f’diskorsu stajt tilmaħ is-sofistrija. Inkjesta kriminali dwar 17 Black m’hix inkjesta dwar Keith Schembri.
Dakinhar li Joseph Muscat lissen dan id-diskors, ma kienx stenna li xi darba l-verità kienet se tfeġġ fil-wiċċ u li kien se jkollu jwettaq l-impenji li kien għamel. Il-ġurnaliżmu spiċċa biex kixfu. U issa fl-uffiċċju tiegħu stess qed jagħti kenn li min qed jipprova jaħrab mill-ġustizzja.
Għaldaqstant qed jimmina l-kors l-ġustizzja. Keith Schembru u Konrad Mizzi għandhom iwarrbu u hu għandu jwarrab magħhom.