Ftit tal-ħin ilu d-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ din l-istqarrija.

Din suppost kellha tkun kjarifika għal dak li l-bieraħ Michael Farrugia qal lil TG3. Il-kumment tiegħu ġie interpretat bħala konferma tal-istorja li xandar il-bieraħ The Sunday Times of Malta li persuna se tiġi arrestata u se tiġi mixlija li kienet il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mhux kulħadd qabel miegħi, iżda jien hekk fhimtha.

Wara li ħareġ din l-istqarrija, Michael Farrugia ħass il-ħtieġa li joħroġ stqarrija oħra. Tgħid reġa’ bdielu? Tgħid issa qed igħid li, wara kollox, il-Pulizija għadha m’hix f’pożizzjoni li tagħmel l-arresti? Tgħid qed igħid ukoll li l-Pulizija għad m’għandhiex f’idejha provi konkreti li fuqhom tkun tista’ tixli lil xi ħadd u li allura mhux ser ikun hemm arresti? Jekk dan mhux minnu, għaliex ħareġ stqarrija oħra? M’għadnix daqshekk konvint li l-kumment li għamel il-bieraħ lil TG3 kienet fil-fatt konferma tal-istorja li xandret The Sunday Times of Malta li fiha ikkwotat “investigaturi” li qalu li appik se jsiru l-arresti. Iżda lanqas ma jien daqshekk ċert li l-istqarrija tal-Ministru hi fil-fatt ċaħda.

Din m’hi xejn ħlief logħba ċinika. Jew għax huma inkompetenti, jew għax libsu kappell li ma jiġihomx, jew għax jinsabu beżgħana jew inkella kkundizzjonati mill-ħdura, din m’hi xejn ħlief taħwida nobis ta’ bla preċedent.

Id-dinja tinsab b’għajnejha fuqna u araw ftit kemm jinqalgħu biex iħawwdu f’diskorshom. Xhur ilu l-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia għamlu talba biex issir inkjesta pubblika indipendenti biex jiġi stabilit jekk l-istat kienx diġà jaf li kien ser iseħħ l-assassinju qabel dan fil-fatt seħħ u dwar jekk setgħetx ittieħdet xi azzjoni biex tara li l-assassinju ma jseħħx.

Il-ħtieġa ta’ din l-inkjesta indipendenti issa saret aktar urġenti għaliex qed jikbru s-suspetti ta’ manipulazzjoni tal-ġustizzja.

Xi ħadd, b’ton ta’ nkejja, staqsieni jekk ninsabx kuntent li se jiġi arrestat xi ħadd bħallikieku qed jistaqsini f’Novembru jekk ir-rigal tal-Milied li għadu ma nxtarax jogħġobnix jew le.

Kull ma nesiġi hu li ssir ġustizzja.

U minflok ġustizzja, qed naraw sensiela ta’ kummiedji. Jew inkella konfoffa minn naħa tal-gvern immirata biex timmina l-ġustizzja.