Hemm ħafna x’wieħed jomgħod mill-istejjer li xxandru dalgħodu fil-faċċata ta’ quddiem ta’ The Sunday Times of Malta, liema stejjer tal-Labour b’xi mod qed ipinġuhom bħallikieku qed jagħtu xi raġun lil dak li qed igħidu huma.
Jekk nassumu li kulħadd qed jaġixxi skond il-kuxjenza, mill-informazzjoni li ngħatat lil The Sunday Times of Malta jirriżulta fatt sempliċi u ċar. Li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħalissa qed jiġu nvestigati kriminalment mill-Pulizija. Li jfisser ukoll li, ġaladarba l-Pulizija kkonfermat li dan huwa l-każ, it-tnejn li huma għandhom jirriżenjaw minnufih. M’għandhomx jibqgħu f’kariga li, bis-saħħa tal-poter li tagħtihom il-liġi biex jiggvernaw lill-pajjiż, ikunu jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-investigazzjonijiet. U ma jistgħux ikaxkru ‘l isfel magħhom lill-gvern kollu.
Dwar dan li għadni kemm ktibt, nitlobkom biex ma tiħdunix b’serjetà kbira. Il-gvern m’għandu ebda reputazzjoni x’jitlef. U jekk xejn, din l-investigazzjoni kriminali kien messha nbdiet sentejn ilu u allura, bir-riedni tal-gvern f’idejhom, kellhom żmien kemm iridu biex ibagħbsu kull eżitu.
Madankollu, aħna u naqraw dak li kitbet The Sunday Times of Malta, dalgħodu Joseph Muscat jidher li m’għandux għażla ħlief li jkellem lil Lawrence Cutajar, jistqsieħ jikkonfermax jew le l-Pulizija bdietx investigazzjoni kriminali dwar dawk li huma kunsidrati bħala l-id il-leminija u dik xellugija tiegħu u, f’każ li dan jiġi konfermat, li jkeċċihom. Jew aħjar, li jġiegħlhom jirriżenjaw biex inaddfu isimhom u biex ma ssirx ħsara lill-gvern.
X’aktarx li l-Prim Ministru m’hu ser jagħmel xejn minn dan kollu. Din il-konklużjoni ilna ħafna li ġbidniha għaliex il-Prim Ministru jinsab qaqoċċa magħhom. Li kieku dalgħodu kellu jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, hu stess kien ikollu jwarrab sa llum wara nofsinhar.
Mill-istorja li xandret dalgħodu The Sunday Times of Malta tinbet mistoqsija waħda fost oħrajn: min qed imexxi l-inkjesta maġisterjali fuq 17 Black? Din l-inkjesta ħadd ma kien jaf biha. Fil-Facebook, Jason Azzopardi għadu qed igħid li din l-inkjesta ma teżistix.
Iżda ejja nassumu li kull minn kellu x’jaqsam mal-istorja li xandret The Sunday Times of Malta ħalla lil kuxjenztu tmexxih: jiġifieri li hemm inkjesta maġisterjali li ntalbet mill-Pulizija meta nbdew l-investigazzjonijet dwar 17 Black. Saħansitra anki meta jkun hemm ħabta kerha bejn karrozza u oħra fit-triq jixxandar isem il-Maġistrat li jkun qed imexxi jew tmexxi l-inkjesta u informazzjoni dwar l-esperti li jkunu nħatru. Allura min hu jew min hi? U min huma l-esperti li nħatru?