Wara jum sħiħ ta’ skiet, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia kkonferma rapport li xxandar fil-ħarġa tal-lum ta’ The Sunday Times of Malta, filwaqt li aktar kmieni llum kellem lil TG3.
“L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Qed naħdmu fuq informazzjoni importanti li għaddewlna tal-Europol u nittamaw li dawk responsabbli jiġu arrestati dalwaqt”.
Michael Farrugia ġie kwotat minn Rai 3, liema rapport ma qal xejn aktar minn dak li xandar dalgħodu The Sunday Times of Malta. Madankollu din hija l-ewwel darba li fiha ġie konfermat li l-Pulizija dalwaqt tarresta persuni li se jkunu mixlija li kienu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.