Jum sħiħ wara li tħabbar fil-famuż rapport imxandar fil-faċċata ta’ quddiem ta’ The Sunday Times of Malta li se jsiru l-arresti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, s’issa bqajna ma smajna xejn. Dak ir-rapport fil-ġurnal ma jistax jitwarrab kif ġieb u leħaq: ma ġiex miċħud mill-aġenziji li ssemmew fih, inkluża mill-Europol. Hu u jitkellem ma’ TG3, il-Ministru Michael Farrugia l-bieraħ ikkonferma l-istorja. Għalkemm wieħed irid igħid ukoll li għalkemm il-Ministru ma ċaħadx ir-rapport fil-ġurnal, lanqas ma jista’ jingħad li kkonfermaħ.

Din is-sitwazzjoni qed tħallini bla kliem. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, bosta huma dawk il-ġurnalisti minn madwar id-dinja li qed jitolbu għal aktar informazzjoni wara li l-bieraħ ixxandret l-istorja li ‘dawk li kienu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien ġew identifikati’. Dawn qed jistaqsu għall-ismijiet, għar-ritratti u għall- motivazzjonijiet li seta’ kien hemm. Iżda l-verità hi li m’hemm xejn ġdid. Forsi għad toħroġ xi ħaġa, iżda s-skiet u l-ambigwità tal-awtoritajiet huma verament tal-biża’.

Lanqas nibda’ biex nimmaġina minn xiex jinsabu għaddejjin bħalissa l-membri tal-familja tal-vittma. Għalkemm b’xi mod ilkoll ninsabu mħassba bil-qtil ta’ ġurnalista, t-tħassib u l-ansjetà tagħna ma tistax tipparagunahom mal-weġgħat li qegħdin iħossu l-membri tal-familja tagħha. L-investigaturi bħal donnhom qed jilgħabu n-noli magħna lkoll. Jafu jew ma jafux min kien il-moħħ wara l-assassinju? Jekk jafu min kien, x’inhuma jistennew? Jekk verament tant għandhom biżżejjed provi f’idejhom li b’kunfidenza setgħu ikellmu ġurnal u jgħidulu li se jsiru l-arresti, suppost għandhom f’idejhom provi li huma biżżejjed biex jixlu lil dawn in-nies u jaqfluhom il-ħabs sakemm l-evidenza tiġi preżentata fil-qorti. Allura x’hemm li qed iżomm? X’inhi r-raġuni li xxandar l-artiklu fil-ġurnal tal-Ħadd u nġibdet l-attenzjoni tad-dinja qabel saru l-arresti li tkellmu dwarhom?

U x’hemm wara s-skiet perfett tal-Pulizija? Kieku jridu, dawn jistgħu jgħidu li l-istorja li xxandret ma kinitx waħda awtorizzata u li, għalkemm la jistgħu jiċħdu u lanqas jikkonfermaw il-kontenut tar-rapport, qed jistiednu lil dawk li jista’ għandhom xi informazzjoni biex javviċinaw lill-awtoritajiet. Jistgħu ukoll igħidu li fil-fatt seħħew l-arresti dalgħodu u li se jittellgħu in-nies il-qorti fl-48 siegħa li ġejjin. Bħalma jistgħu jgħidu wkoll li l-għejjun tal-ġurnal kienu għaddewlu nformazzjoni żbaljata u li l-Pulizija disposta biss li tagħmel stqarrijiet li jkunu uffiċjali.

Xejn minn dan kollu: is-skiet tal-Pulizija baqa’ wieħed li jtarrax. Wieħed forsi jista’ jibda’ jispekula dwar il-motivazzjoni vera wara l-pubblikazzjoni tal-istorja fil-faċċata ta’ quddiem ta’ The Sunday Times of Malta tal-bieraħ. U m’hemmx dubju li l-ispekulazzjonijiet ilhom li bdew u, f’dan il-kuntest, jeħtieġ li jsiru xi mistoqsijiet: kumbinazzjoni li l-istorja fil-ġurnal tal-Ħadd ixxandret proprju fiż-żmien li ħarġet l-aħbar li Konrad Mizzi u Keith Schembri jinsabu taħt investigazzjoni kriminali? Skond David Casa teżisti rabta. Qabel ixxandret l-istorja tal-bieraħ u sa mit-12 ta’ Novembru, David Casa kien stqarr li l-iskandlu 17 Black jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Din l-istqarrija kien għamilha f’ittra li huwa bgħat lill-Kummissarju Ewropew Vera Jourova. U jekk dak li stqarr Casa huwa minnu, mhux biss hemm motivazzjoni politika biex titgħatta u tinsatar il-korruzzjoni. Hemm ukoll motivazzjoni politika biex jitgħattew xtur il-qattiela.

David Casa xandar l-ittra li bgħat lil Jourova ġimgħa ilu u l-gvern lanqas indenja ruħu jwieġeb billi jiċħad bil-qawwa dak li nkiteb. Minflok, il-bieraħ ħareġ għan-nofs kollega ta’ Konrad Mizzi – Michael Farrugia – li tkellem b’ċerta awtorità mat-TG3 fuq l-investigazzjoni kriminali dwar l-assassinju. Nistaqsi: lil Michael Farrugia l-Pulizija għaddietlu nformazzjoni dwar l-identità ta’ dawk li jinsabu taħt suspett? Qalulu lil min bi ħsiebhom jarrestaw? Michael Farrugia x’għamel bl-informazzjoni li għaddietlu l-Pulizija? L-informazzjoni żammha għalih jew għaddieha lill-imgħallem tiegħu u lill-kollegi tiegħu fil-kabinett?

Shond l-istorja tal-bieraħ, il-Pulizija waslet biex tarresta lil xi ħadd. Sakemm qed nistennew, jista’ l-gvern iwieġeb għall-mistoqsijiet li ilhom iberrnu f’moħħna?