Ejjew għal mument ninsew li Neville Gafà kien ġie akkużat minn diversi xhieda li xxaħħam fl-għoti tal-viżi mediċi lil ċittadini mil-Libja. Ejjew għal mument ninsew li x-xhieda li jistgħu jwasslu biex jeħel għall-allegati reati kriminali mhux qed jitħallew jersqu lejn Malta. Ejjew għal mument ninsew li għal darb’oħra min huwa taħt suspett tħalla jiżloq minn idejn il-Pulizija. Ejjew għal mument ninsew ukoll li Neville Gafà huwa persuna prominenti u permanenti fiċ-ċirku magħmul minn Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Ejjew nikkonċentraw fuq il-fatt li Neville Gafà huwa uffiċjal għoli tal-gvern ta’ Malta. Żar il-Libja – pajjiż fejn anki fl-aħjar żminijiet tiegħu kien magħruf għat-taħwid diplomatiku – li issa jinsab f’nofs il-kaos ta’ gwerra ċivili, tas-serq, tal-piraterija u tal-vjolenza, u ttieħdu ritratti mxandra fil-ġurnali fejn jidher f’laqgħa formali ma’ uffiċjali għolja tal-gvern fil-Libja.
بالفيديو | الورفلي يهاجم صحيفة #المرصد بألفاظ نابية لأجل “مبعوث #مالطا الوهمي”. #ليبيا
https://t.co/VHueuHHO6d— صحيفة المرصد الليبية (@ObservatoryLY) November 25, 2018
Il-gvern qed igħid li l-mawra tiegħu fil-Libja ma kenitx ġiet awtorizzata u li ħadd ma kien jaf biha qabel seħħet.
Lil Ivan Martin tat-Times of Malta, il-gvern qallu li Neville Gafà ġie msejjaħ biex jispjega x’kien qed jagħmel jiltaqa’ ma’ persuni importanti fil-Libja. Nafu ben tajjeb li Neville Gafà hu wieħed minn dawk tal-qalba u ma kinitx tkun ħaġa kbira li l-gvern imur igħid li dak kien bil-leave u li ħallas għall-vjaġġ minn butu bħala skużi biex igħattulu.
Jekk naqraw dak li qal il-gvern lit-Times of Malta, mad-daqqa t’għajn jidher li qed jipprova jżomm ‘il bogħod minn Neville Gafà.
Ġaladarba Neville Gafà huwa uffiċjal tal-gvern, ma tantx jista’ jkollu ħafna raġunijiet plawsibbli biex jieħu l-leave u jħallas minn butu għall-vjaġġi. Jista’ forsi jivvjaġġja għal finijiet ta’ studju jew biex jattendi xi konferenza dwar suġġett li hu għal qalbu u li ma jistax jitħallas mill-gvern. Jista’ forsi hu wkoll ħerqan biex jagħmel xogħol volontarju biex igħin lil min hu fil-bżonn.
Jista’ jkun ukoll li siefer biex jistrieħ jew biex jattendi xi laqgħa, magħmudija jew tieġ tal-familja jew biex iżur xi ħadd li huwa marid.
U minn dak li rajna mir-ritratti li xxandru, Neville Gafà’s ma sifirx lejn il-Libja għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet.
M’għandniex xi ngħidu, bħala uffiċjal tal-gvern ma jistax jagħmel ċerti affarijiet. Ma jistax, per eżempju, jitnikker minn fuq ix-xogħol biex imexxi negozju personali. U jekk, mill-kuntatti li jkun għamel fil-kapaċità uffiċjali tiegħu jgawdi personalment, ikun qed jilgħab man-nar tal-korruzzjoni. U kif diġà għidt, li dan kollu fuq Neville Gafà m’huwiex igħaddili minn moħħi.
Allura ġaladarba Neville Gafà la kien qed jirrappreżenta lill-gvern, la għamel xi ħaġa biex igawdi hu personalment, la kellu xi laqgħa familjari u lanqas ried jitgħallem l-Għarbi, dan x’mar jagħmel il-Libja?
Lill-gvern x’tweġiba taħ għall-mistoqsijiet pubbliċi li sarulu?
Neville Gafà nafu b’liema reat kriminali jinsab akkużat. U, li kieku konna f’pajjiż ieħor fid-dinja fejn il-kriminalità m’hix parti mill-ħidma tal-gvern, Neville Gafà mhux biss kien jitkeċċa f’radda ta’ salib talli għamel żjara mhux awtrorizzata u talli ltaqa’ bla permess ma’ uffiċjali ta’ gvern ieħor iżda saħansitra kien jiġi mġiegħel jispjega għemilu lill-ministeru tal-affarijiet barranin, lill-uffiċċju tal-immigrazzjoni u lill-aġenzjija nazzjonali tas-sigurtà.
Madankollu rridu dejjem niftakru li Neville Gafà huwa l-id il-leminija ta’ Keith Schembri.