Illum irbaħt kawża ta’ libell. Din kienet l-ewwel sentenza li ngħatat mill-qorti fost kawżi oħra li jien ninsab imdaħħal fihom b’rabta ma’ dan il-blog.

Jean Claude Micallef kien ħarrikni. Dan ħaseb li, għax jien kont ktibt li hu ipokrita, għamilt ħsara lir-reputazzjoni tiegħu. Kien qal sewwa min lissen il-kliem: jekk mhix gidba, sinjal li vera. Il-kwistjoni kollha kienet dwar dan il-post li jien kont ktibt ftit aktar minn sena ilu. Il-jum kien it-8 ta’ Novembru u dak kien fadal mill-ġisem mejjet ta’ Daphne Caruana Galizia kien għadu ma ndifinx. Jean Claude Micallef, preżentatur televiżiv u kandidat veteran għall-elezzjoni ġenerali maż-żewġ partiti, kien kiteb hekk: “Jekk tgħix ħajtek tkasbar, tmut imkasbar. Ir-rispett tirbħu tul ħajtek mhux wara mewtek”. Dan il-kliem ma kien xejn ħlief wieħed mill-introduzzjonijiet ta’ kampanja dispreġġjattiva, li għadha għaddejja sal-lum, imnedija minn politiċi Laburisti tat-tieni klassi u mmirata biex tikkundanna lil Daphne Caruana Galizia talli għexet ħajja li kien ħaqqha li tintemmilha permezz ta’ karrozza-bomba.

Kieku ridt, stajt sejjaħtlu bniedem kattiv, tribali u viljakk. Minflok, għażilt li nsejjaħlu ipokrita għaliex, qabel kien għoddu ntebaħ x’kienet se tkun ir-reazzjoni tal-Labour, l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-qtil ta’ Daphne kienet waħda ta’ niket u ta’ kundanna għall-vjolenza politika. Ftit minuti biss wara li nfirxet l-aħbar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Jean Claude Micallef kiteb fil-Facebook u kkundanna dak li kien għadu kemm seħħ.

Iżda ftit anqas minn ħmistax wara, beda’ kważi kważi jwaħħal f’Daphne għall-mewt tagħha stess. Kif kont ktibt sena ilu, l-ipokresija tiegħu ma damitx wisq biex saret trasparenti.

Fis-sentenza tiegħu tal-lum, il-Maġistrat Francesco Depasquale rrefera għal deċiżjoni li kien ta f’każ ieħor u li fiha xela’ lil dawk li jużaw il-Facebook b’aġir iiresponsabbli. U kliem il-Maġistrat kienu aktar ibsin fil-konfront ta’ persuni pubbliċi bħal Jean Claude Micallef: “Persuni politiċi u pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju għaċ-ċittadini u għal dawk li jsegwu s-siti soċjali tagħhom u għandhom jirrikonoxxu li l-komportament u l-istqarrjiet pubbliċi tagħhom fuq il-media soċjali jistgħu faċilment jinkoraġixxu lil ħaddieħor biex jimitahom. Il-persuni politiċi u pubbliċi huma fid-dmir li jkunu ta’ eżempju pożittiv għal kulħadd – wara kollox Jean Claude Micallef kien sejjaħ (dakinhar tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia) biex ikun hemm l-għaqda nazzjonali fuq livell soċjali”.

M’għandniex xi ngħidu, Jean Claude Micallef kellu kull dritt li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni tiegħi ta’ kliemu. Kieku ried, seta’ kitibli biex jispjegali l-intenzjoni tiegħu wara l-kliem “tmut imkasbar”. Nassigurah li kont inkun lest li nxandar it-tweġiba tiegħu anki jekk dak li jkun wieġeb ma kienx ikun idoqq għal widnejja. Iżda Jean Claude Micallef għażel li jidħol il-qorti. Ma nafx jekk id-deċiżjoni li jidħol il-qorti kienitx tiegħu biss jew forsi kinitx parti minn xi strateġija ta’ min irid jarani b’qalbi maqtugħa.

Issa ilni sena niġġustifika kumment li kont għamilt li tant kien ovvju li jirrendi l-ilment ta’ Jean-Claude Micallef kemmxejn tad-daħk. Iżda għandi għalxiex nifhem li affarijiet bħal dawn ma jġiegħluħx jistħi. B’azzjonietu kien kompliċi fit-tfixkil lill-ġurnalisti u lill-kritiċi permezz tal-kawżi fil-qorti.

Kieku rrid għandi għalxiex nifraħ li rbaħt l-ewwel kawża ta’ libell. Iżda bħalissa moħħi qed iberren biss fuq il-fatt li fil-ġranet li ġejjin ser ikolli noqgħod nerġa’ nitla’ l-qorti biex niddefendi kawża oħra ta’ libell.