Bejn Frar 2013 u Ġunju 2014, Maria Efimova ħadmet f’ħanut f’Ċipru ta’ sidien Russi li jbiegħu il-fwejjaħ.
Fit-28 ta’ Novembru 2017, il-pulizija Ċiprijotta ħarġet ordni għall-arrest ta’ Maria Efimova, liema ordni issejset fuq allegazzjonijiet li saru minn dak li kien l-imgħallem tagħha u dan talli allegatament wettqet xi ħaġa ħażina waqt li kienet fl-impjieg tiegħu erba’ snin qabel.
F’dawk l-erba’ snin, Maria Efimova kienet ġiet toqgħod f’Malta, wettqet evalwazzjonijiet notorjament ibsin ta’ due diligence fuq il-Pilatus Bank (innotaw in-niskata ironija li hawn), impjegat ruħħa ma’ dak il-bank, tkeċċiet mill-bank, ġriet wara l-bank biex titħallas is-salarju li kellha tieħu, il-bank ġera’ warajha biex jitħallas flejjes li kien qal li serqitlu, persegwitata u attakkata kif kienet minn prim ministru fferoċjat u ndannat li xlieha li hi aġenta ta’ Vladimir Putin, il-ġurnalista ma’ min kienet tkellmet ġiet assassinata u l-awtoritajiet Maltin ħarġu ordni għall-arrest tagħha.
U, oħroġ il-għaġeb, iriduna nemmnu li dak kollu li seħħ wara Ġunju 2014 ma kellu x’jaqsam xejn mal-azzjonijiet li ħadu l-pulizija Ċiprijotta f’Novembru 2017!
F’Jannar 2018, il-Kunsill tal-Ewropa ħa nota ta’ twissija li ħarġu diversi NGOs biex Maria Efimova bħala whistleblower tingħata l-protezzjoni. Il-bieraħ stess, jiġifieri f’Novembru, il-pulizija Ċiprijotta wieġbet għal din it-twissija u ppruvat isserraħ moħħ kulħadd li t-talba għall-arrest ta’ Maria Efimova m’għandhiex rabta mal-Pilatus Bank u maż-żmien li kienet għamlet tgħix f’Malta.
Allura x’ġara’ bejn Jannar u Novembru? Dak li kien l-imgħallem tagħha fil-Pilatus Bank ġie arrestat, ġie mixli u ngħata l-libertà proviżorja sakemm igħaddi ġuri fl-Istati Uniti fuq 6 akkużi ta’ frodi bankarja, it-talba formali li għamlet Malta għall-estradizzjoni ta’ Maria Efimova ġiet miċħuda mill-qrati Griegi inkluż fl-istadju tal-appell u l-bank li dwaru kienet tkellmet ma’ ġurnalista li ġiet assassinata ingħalaq darba għal dejjem mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Ingħalaq darba għal dejjem il-bieraħ. Grazzi għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħha. U grazzi wkoll għax-xhieda li kienet tat volontarjament, għar-riskji kbar li ħadet u għall-konsegwenzi li diġà kellha tiffaċċja, l-Ewropa ħelset mill-Pilatus Bank li tant ikkawżalha inkwiet.
U issa minħabba l-fatt li l-Pilatus Bank l-bieraħ kellu jagħlaq il-bibien, miljuni kbar ta’ flejjes tal-familja ta’ Ilham Aliyev weħlu f’Malta u diffiċli li wieħed jimmaġina kien dawn il-flejjes jistgħu jinħelsu. M’hemmx dubju li mal-erbat irjieħ ta’ Baku hemm tidwi rabja liema bħalha.
Fil-frattemp il-pulizija f’Ċipru – li bħal donnu tindenja ruħħa tieħu azzjoni f’Novembru biss – terġa’ tirxoxta l-każ ta’ Maria Efimova minħabba lment ta’ sid ta’ ħanut.
U mbagħad ħalli għall-Malta Today ta’ Saviour Balzan biex toħroġ tgħajjarha giddieba. Dan kollu l-għada li l-bank ta’ dak li kien l-imgħallem tagħha ingħalaq għal dejjem grazzi għall-veritajiet li kienet qalet.
Ċertament il-ġbid tal-ispag m’huwiex limitat għall-pulizija ta’ Ċipru.