X’jagħmel Adrian Delia biex jirribatti l-akkużi li għamlitlu martu stess li jagħmel l-arja magħha? Imurlek fuq ir-radju tal-partit li jinsab taħt il-kontroll strett tiegħu u jagħmel l-arja ma’ min jażżarda jitkellem dwar dawn l-akkużi.
Mhux l-ewwel darba li, kull meta jsib ruħu dahru mal-ħajt, rrikorra għat-teatrini u, b’ħafna għajjat u tisbit fuq sidru, jgħid li lest li jibqa’ jiġġieled kontra l-kurrent.
Dalgħodu wissa’ li kien ser jieħu passi kontra dawk li qed jieħdu vantaġġ politiku mill-inkwiet li jinsab għaddej minnu.
Hawn ċertament m’huwiex qed jirreferi għal tal-Labour. Bis-saħħa tiegħu dawn bħalissa qed jogħrku jdejhom iżda m’huma qed jagħmlu xejn li jista’ jagħmillu l-ħsara.
Ċertament ukoll m’huwiex qed jirreferi għal martu. Qalu x’qalu lil xulxin għandi dubji serji jekk din qattx ġiet mixlija li ppruvat “tagħmel kapital politiku”. Din m’hix tikkompeti għal xi kariga politika.
Bla dubju qed jirreferi għal dawk li anki jażżardaw jitkellmu dwar il-possibilità ta’ bidla fit-tmexxija politika tal-PN
Bħalma għamlu oħrajn, Adrian Delia qara’ l-editorjal ta’ dalgħodu fis-Sunday Times of Malta. L-editorjal għamel sejjħa lill-kollegi tiegħu biex iwarrbuh. Maħkum kif jinsab minn mentalita’ paranojka ta’ assedju, jgħid li m’hemm ebda raġuni oġġettiva għalxiex għandu jtemm din it-traġedja.
Madankollu huwa jaf ben tajjeb li qed issir pressjoni qawwija – mhux fuqu — iżda fuq id-deputati mexxejja, fuq is-segretarju ġenerali, fuq il-presidenti tal-kumitati tal-Partit, fuq il-grupp parlamentari u fuq l-amministraturi tal-Partit biex dawn irabbu xi ftit tal-kuraġġ u jwarrbuh.
Dan kollu mhux aċċettabbli għalih. Mhux aċċettabbli għalih li dawk ta’ madwaru jagħmlu xogħolhom u jgħidulu ċar u tond li wasal iż-żmien biex idabbar rasu.
U jirreaġixxi għal dan kollu billi jagħmel l-arja minn fuq ir-radju u jippretendi li kulħadd għandu jbaxxi rasu. Jhedded bl-inkwiżizzjonijiet, b’xiljiet ta’ tradiment u bi twissijiet li n-nies tiegħu huma kapaċi isibu tarf ta’ kull min jikkuntrarjah.
Għalih ma jeżistix djalogu. Ebda spjegazzjoni. Arja feroċi biss u kliem bombastiku.
X’aktarx li l-kalkoli politiċi għamilhom u diġa’ ntebaħ li din l-istorja ma jistax ikollha tmiem feliċi tant li huwa lest li jkisser u jfarrak lil kulħadd sakemm jasal biex jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.
F’dan l-istadju drammatiku, diffiċli li wieħed jaħseb f’deskrizzjoni aħjar minn dik li tqisu bħala bniedem li “libes żarbun li ma jiġiehx”.