Ipokresija li bil-kemm tista’ titwemmen.

Is-sena li għaddiet nhar l-Ewwel tas-Sena Joe Mikallef xandar dan ir-rapport ta’ Net News dwar ir-rapport li kienet għamlet mart Mario Tonna mal-puliziija fit-28 ta’ Diċembru 2017 li fih xliet lil żewġha li taha daqqa bir-ras. Dak iż-żmien Mario Tonna kien Assistent Kummissarju tal-Pulizija.

Ir-rapport li sar lill-pulizija minn mart Mario Tonna kien ġie f’idejn Joe Mikallef li mbagħad għadda biex xandar kull dettall dwar kif żewġha kien ċemplilha u għajjarha “miġnuna, ħmieġ, żibel u qaħba”.

U mbagħad daħal fid-dettall dwar kif kienu ġew fl-idejn u xorta waħda ħarġu flimkien biex jieklu barra biex jiċċelebraw għeluq snin xi ħadd sakemm imbagħad reġgħu kellhom xi jgħidu dwar festin tal-Kummissarju tal-Pulizija li għalih hi ma riditx tattendi.

L-għada fit-2 ta’ Jannar Mario Tonna tefa’ r-riżenja tiegħu minn Assistent Kummissarju tal-Pulizija. Ma qgħadx jistenna li ssir inkjesta jew li jkun hemm proċess tal-qorti. Min kien sawwat lil martu ħass il-pressjoni fuqu u warrab.

Ta’ Net News ma skantawx li Mario Tonna kien ħadhom bis-serjetà u kitbu f’rapport ieħor ta’ Joe Mikallef li Mario Tonna kien irriżenja bis-saħħa tal-ġurnaliżmu investigattiv tagħhom.

Madankollu deherilhom li din ir-riżenja ma kinitx biżżejjed u fis-7 ta’ Jannar, meta allura Mario Tonna ma baqax uffiċjal pubbliku, xandru storja fuq il-paġna ta’ quddiem ta’ Il-Mument dwar ir-rapport li kienet għamlet martu kif ukoll rapport fil-paġni tan-nofs. Ġew jaqgħu iqumu li kien żmien il-Milied. Ġew jaqgħu iqumu li kienet kwistjoni personali. Ma kienx jimporta li issa ma kinux qed jirrappurtaw dwar persuna li ma kienx uffiċjal pubbliku.

Is-sitwazzjoni fil-konfront ta’ Adrian Delia tixbaħ sew il-każ ta’ Mario Tonna. Mart il-Kap tal-Oppożizzjoni tixlieh fil-qorti (mhux fl-għassa tal-pulizija) b’abbuż verbali u fiżiku. L-istorja tiġi rappurtatafi żmien il-festi tal-Milied (mhux minn tan-Net News). Iżda din id-darba ma jseħħu ebda riżenji iżda jkollna xmara ta’ sinjali ta’ appoġġ għall-allegat aggressur u diskors dalgħodu dwar it-tnedija ta’ inkwiżizzjoni. Se nikteb dwar dan aktar tard.

Illum fil-Mument hemm rapport fil-paġna ta’ quddiem miktub minn Joe Mikallef – mhux biex jirrapporta dwar żviluppi fil-każ tal-Kap tal-Oppożizzjoni iżda biex jivvinta storja dwar tal-Occupy Justice li ġew mixlija li fosthom hemm min hu favur l-abort u dan talli s-Sibt li għadda kienu l-uniċi li stqarrew ċar x’kellhom ikunu l-konsegwenzi għal min jiġi mixli b’abbuż domestiku.

Il-vanġelu skond Joe Mikallef.

Sena ilu Net News kien immexxi mill-istess persuna li tmexxih illum, jiġifieri Pierre Portelli. Kien kontabbli lejn l-istess persuna li huwa kontabbli lejh illum, jiġifieri Adrian Delia.