Tal-#occupyjustice sejjħu għar-riżenja ta’ Adrian Delia. Għall-bidu forsi seta’ kien hemm min deherlu li dawn qed jeżaġeraw xi naqra żżejjed. Lil Saviour Balzan, Adrian Delia kien għadu kemm qallu li dawn kienu ħbieb tiegħu, stqarrija ma tantx niżlitilhom għasel.
Is-sejħa tagħhom għar-riżenja tiegħu issejset fuq raġunijiet validi. Kull min jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu jkollu xejn x’ixekklu hekk kif jeżiġi l-kontabilità mingħad il-gvern. Adrian Delia għandu ma’ wiċċu akkużi ta’ imġieba skorretta. M’huwiex jiġi mixli b’abbuż ta’ poter jew b’tixħim. Dawn huma reati li jista’ jagħmilhom biss min ikollu s-setgħa f’idejh u Delia m’ilux wisq f’kariga pubblika biex b’xi mod jista’ jkollu għalxiex iwieġeb f’dan ir-rigward.
Il-każ ta’ Soho seħħ meta huwa kien jaħdem bħala avukat. Dak kien ir-rwol tiegħu: ta’ avukat. Id-difiża bħal dik ta’ Nuremberg tħallik kemmxejn bla nifs: l-iskuża li ‘kulħadd hekk jagħmel’ m’hi skuża xejn. Daqs kemm lanqas m’hi skuża stqarrija bħalma hi: ‘dak iż-żmien ma kontx attiv fil-politika’. Ħafna drabi bosta jkunu dawk li jibqgħu impressjonati bin-numru ta’ dmirijiet li jsostnu li għandhom l-avukati. Għalkemm huwa minnu li kull persuna għandha d-dritt għal difiża – saħansitra anki kriminal għandu l-privileġġ tal-kunfidenzjalità meta jikkonsulta ma’ avukat – l-avukati m’għandhom ebda obbligu li jassistu u jgħinu lill-klijenti tagħhom fit-twettiq ta’ reat kriminali. U, jekk jagħmlu dan, dawn l-avukati ma jistgħux jippretendu li jgawdu xi forma ta’ immunità.
L-editorjal tat-Times of Malta tal-lum m’għamlitlux sejħa biex jirriżenja. Iżda l-editur għamilha ċara li “f’ġieħ il-korrettezza politika, kien messu ssospenda lilu nnifsu mit-tmexxija tal-partit – jekk mhux ukoll minn kull attività politika – sakemm tiġi fi tmiemha l-investigazzjoni”. Il-kliem ‘korrettezza politika’ huma kemmxejn strambi: dawn ma jfissrux li Adrian Delia f’xi okkażjoni soċjali jrid joqgħod b’seba’ għajnejn x’jgħid meta joħroġ b’xi ċajta. Qed nirreferi hawn għall-imġieba tiegħu u kif din tista’ sservi biex timmina l-ġustizzja.
Dan qed ngħidu għaliex jeżistu żewġ possibilitajiet.
L-ewwel: li Adrian Delia huwa tabilħaqq ħati li fl-imgħoddi wettaq ir-reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus. Jekk dan huma minnu, l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss m’hix tenibbli għaliex għandu jerfa’ r-responsabbilta politika għall-imġieba tiegħu, iżda hi wkoll inaċċettabbli li jibqa’ fil-kariga għaliex f’pajjiż demokratiku kull min jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni qatt ma jiġi arrestat mill-pulizija. Għaliex sakemm jibqa’ fil-kariga, jkun qed jabbuża mill-poter biex jimmina l-liġi u l-ġustizzja bl-istess mod kif Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona qed jabbużaw mis-setgħa li għandhom biex jimminaw il-kors tal-ġustizzja.
Bħala prinċipju, kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi. U dan il-prinċipju jitħaddem fil-prattika meta wieħed jassumi li kull min ikollu xi kariga jagħmel l-almu tiegħu biex irażżan lilu nnifsu u ma jassumix xi kariga kostituzzjonali bil-għan li jinħeba mill-ġustizzja.
Hemm ċerta ironija fil-konfront ta’ Adrian Delia. M’hemmx dubju li huwa jaf li kieku ftit aktar minn sena ilu ma daħalx fl-arena politika, ħadd ma kien isir jaf bil-klijenti tiegħu ta’ Soho, ħadd ma kien iħabbel rasu dwar il-kont bankarju tiegħu ta’ Jersey, tal-FIAU ma kienux jindenjaw ruħħom jitkixxfu dwar dan il-kont u ma kien ikun hemm ebda ġustizzja x’wieħed jimmina. Iżda s-sitwazzjoni hi dik li hi.
Teżisti wkoll il-possibilità l-oħra li Adrian Delia – kif ilu jinsisti – huwa innoċenti u li din l-istorja kollha kienet biss frott ta’ malintiż u li hu qatt ma ħasel flus għal ħadd, inqas u inqas għall-prostituti u għal dawk li jħaddmuhom.
Politiku attiv li jiġi mixli b’akkużi foloz għandu jirriżenja minnufih hekk kif xi ħadd jagħmillu dawn l-akkużi foloz? Hekk jirraġunaw Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Cardona biex jibqgħu fil-kariga u fl-istess waqt jimminaw il-kors tal-ġustizzja.
Hawn m’għadniex fl-istadju inizjali ta’ allegazzjonijiet ġurnalistiċi. Il-Ħadd li għadda The Sunday Times of Malta xandret rapport fis-sens li l-Pulizija qed jagħmlu investigazzjoni kriminali dwar il-ħasil ta’ flejjes ġejjin mill-użu ta’ briedel f’Soho li s-sidien tagħhom kienu klijenti ta’ Adrian Delia. Bħas-soltu, l-Pulizija la kkonfermat u lanqas ċaħdet dan ir-rapport u quddiemna għanda biss mistoqsijiet u suppożizzjonijiet. Jekk ir-rapport huwa korrett, x’aktarx li l-investigazzjonijiet bdew wara li tal-FIAU għaddew lill-allegazzjonijiet mill-għarbiel u sabu li hemm biżżejjed provi biex jinbeda’ proċess kriminali dwar l-allegat ħasil ta’ flus jew qliegh ta’ flejjes li jkunu ġejjin mill-kriminalità. U din il-konklużjoni tkun inġibdet f’rapport imħejji mill-FIAU li jiġi mibgħut lill-Pulizija, liema rapport ikun fih il-provi, il-konklużjonijiet u l-ismijiet ta’ dawk il-persuni li se jkunu investigati u mħarrka mill-Pulizija.
Kull rapport li jista’ jsir mill-FIAU li jikkonkludi li Adrian Delia għandu x’iwieġeb dwar ħasil ta’ flus u dwar qliegħ ta’ flejjes mill-kriminalità għandu jkun biżżejjed biex huwa jiġi mġiegħel jirriżenja minnufiħ. Dan japplika bl-istess mod għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi.
Iżda jekk fil-fatt Adrian Delia għandu raġun u dan ir-rapport tal-FIAU fil-fatt ma jeżistix, ma nġibdet ebda konklużjoni u l-Pulizija mhux veru li qed jinvestigawħ, Adrian Delia għandu jaġixxi. Jekk huwa minnu li Adrian Delia huwa innoċenti, meta jdendel xabla fuq ras il-Kap tal-Oppożizzjoni il-gvern ikun qed jabbuża mis-setgħa li għandu. Robert Mugabe eżatt hekk kien ġab ruħu fil-konfront ta’ Morgan Tsvangirai. Mahathir Mohamad tal-Malasja eżatt hekk għamillu lil Anwar Ibrahim. Adrian Delia ma jistax joqgħod ċiċċi bil-qiegħda jistenna lill-gvern jieħu l-ħin kollu tiegħu biex jiddeċiedi meta jkun l-aħjar waqt li jaqfel idejn il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-manetti. Għandu jissospendi lilu nnifsu u jaħtar lil David Agius jew lil Robert Arrigo bħala Aġent Kap tal-Partit, li jfisser li wieħed minn dawn isir ukoll Aġent Kap tal-Oppożizzjoni. U mbagħad jmissu jippreżenta protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Pulizija u jitlobhom jiddikjaraw mingħajr dewmien jekk huwiex qed jiġi investigat jew le. Adrian Delia qed igħid li huwa ċert li m’għandu xejn x’iwieġeb, li allura dan ifisser li m’għandu jkun hemm xejn x’iżommu milli jisfida lill-Pulizija. U għandu r-raġunijiet kostituzzjonali kollha biex isostni li l-Pulizija ma jistgħux jittrattaw miegħu bil-mod kif jittrattaw ma’ kull bniedem suspettat ieħor u jżommu s-skiet. Huma fid-dmir lejn il-pajjiż li jitkellmu. Id-demokrazija ma tistax taħdem mingħajr Kap tal-Oppożizzjoni jew b’Kap tal-Oppożizzjoni li jkun qed jiffaċċja akkużi foloz. U xogħol il-Pulizija hu li jħarsu lid-demokrazija.
Jekk irid isir Prim Ministru, Adrian Delia jeħtieġ iwarrab kull dell minn fuq ismu ta’ ħasil ta’ flus jew qliegh mill-prostituzzjoni. U biex ikun jista’ jagħmel dan, jeħtieġ li jwarrab il-privileġġi tal-kariga kostituzzjonali li qed jokkupa. Issa.
Jekk, mill-banda l-oħra, jinsab daqshekk inkwetat dwar dak li tista’ tagħmel il-Pulizija fil-konfront tiegħu, allura jmissu jdabbar rasu.