Konrad Mizzi ma rnexxilux iwaqqaf lill-Qorti tal-Appell Kriminali milli tisma’ l-appell tiegħu minn sentenza ta’ qorti inferjuri li kienet ordnat li għandha ssir inkjesta kriminali dwar l-involviment tiegħu fil-Panama Papers u dan sakemm tinqata’ kawża pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali dwar l-ilment li għamel li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu mill-istess gvern li minnu jifforma parti.
Naf li dan kollu jista’ jinstema’ mgerfex u nqerr magħkom li kelli nħażżeż diagramma fuq karta biex inserraħ rasi li qed nifhem sew.
Biżżejjed jingħad li wara li ħela sentejn hu u jipprova jivvinta l-bsaten fir-roti kollha biex il-pulizija tinżamm milli tinvestiga dak li nkixef mill-Panama Papers, din id-darba l-attentat biex jerġa’ jtawwal fallielu.
Konrad Mizzi lill-Qorti Kostituzzjonali talabha tordna lill-Qorti tal-Appelli Kriminali li tieqaf milli tisma’ l-każ sakemm il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi dwar it-talba redikola li għamel fis-sens li l-gvern tiegħu stess kisirlu drittijietu. Illum il-Qorti Kostituzzjonali qalet li m’hemm ebda raġuni għala xogħol il-Qorti tal-Appell għandu jitwaqqaf sakemm il-mertu tal-ilment tiegħu jiġi trattat.
Il-Qorti tal-Appelli Kriminali mhix se tieqaf milli tisma’ l-appell tiegħu. U jekk jitlef dal -l-appell, ikollha sseħħ l-ordni oriġinali tal-qorti u l-pulizija tkun obbligata li tinvestigah.
M’għandniex x’ingħidu, hemm mezzi oħra li jista’ juża Konrad Mizzi biex ikompli jtawwal.
Ara ma jfettlilkomx taħsbu li, minħabba dan kollu, Konrad Mizzi se jaqta’ qalbu milli joqgħod jixxala fil-festini tal-Ewwel tas-Sena.
Wara kollox, f’idejh għandu l-akbar arma: jinsab fil-gvern u hemm ser jibqa’. U sakemm idum hemm, ebda pulizija m’hi ser tinvestigah, igħidu x’igħidu il-qrati.
Din m’hi xejn ħlief kummiedja li qed tħallas għaliha int. U qed tħallas ukoll biex jisirquk fid-dawl tax-xemx u biex dan is-serq jitgħatta.
Għandu wkoll vantaġġ ieħor. Bħalissa m’għandekx moħħ biex taħseb kif Konrad Mizzi qed jilgħabek għax ix-xenarju nsteraq mit-teatrini ta’ Adrian Delia. M’hux ta’ b’xejn tal-Labour lil Adrian Delia jriduh jibqa’ fejn hu.