Photo: REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Nissuġġerielkom taqraw l-artiklu ta’ Ranier Fsadni mxandar fit-Times of Malta tal-lum.

Nixtieq inżid xi ħaġa ma’ dak li kiteb Ranier Fsadni. Tal-Occupy Justice, attivisti oħrajn u protestanti individwali qed jiġu mixlija li qed “jisfidaw is-saltna tad-dritt” permezz – kif qed jiġi allegat – tal-ksur tal-liġi. Kulma qegħdin jagħmlu dawn hu li jqiegħdu fjuri u xemgħat mal-Mafkar tal-Assedju l-Kbir. Dawn iż-żewġ kunċetti qed iħawwduhom m’hux biss l-apoloġisti tal-gvern.

Fsadni bil-galbu kollu jispjega d-differenza bejn l-ubbidjenza tal-liġijiet u r-rispett lis-saltna tad-dritt. Ma naħsibx li dak ir-raġel li mill-video li xxandar il-bieraħ  jidher jisraq xemgħa se jkun qara’ dan l-artiklu u jikkonverti. Ċerti nies ta’ xejn tispjegalhom.

Għaliex dawk li jabbużaw lill-protestanti, isawwtuhom, ikellmuhom ħażin u jieħdulhom ix-xemgħat u l-fjuri min-natura tagħhom stess ma jkunux ikunu jridu jafu b’raġuni.

Jeħtieġ nifhmu li huwa l-gvern stess li qed iħawwad l-imħuħ. Ranier Fsadni skanta kif il-gvern qed jippermetti lill-apoloġisti jirraġunaw b’dan il-mod għan-nom tiegħu.

Iżda l-verità hi li l-gvern stess qed jirraġuna b’dan il-mod.

Araw kif Owen Bonnici – l-Ministru tal-Ġustizzja – jinsisti li “s-saltna tad-dritt” għandha tiġi segwita u li n-nies tiegħu kuljum qed ineħħu l-fjuri u x-xemgħat minn mal-Mafkar tal-Assedju l-Kbir biex ikunu “konformi mas-saltna tad-dritt”.

Nistħajjlu qiesu t-tifel il-kbir jispjega r-regola tal-offside lil oħtu ż-żgħira minkejja l-fatt li din ir-regola hi tkun fehmitha aktar milli jkun fehemha hu. Frankament, ma jafx x’inhu jgħid.

Għal ġieħna, dan hu l-Ministru tal-Ġustizzja.