La darba Michelle Muscat kienet kapaċi tiġbor il-premju, jewwilla Neville Gafà mhux kapaċi jiġbru wkoll?

Fil-fatt dan Neville għandu jiġi kunsidrat ukoll għall-Elie Wiesel Humanitarian Award talli kien litteralment xeba’ jwassal lejn Malta l-midrubin tal-gwerra fil-Libja biex dawn jiddewwew f’pajjiżna. Hemm ukoll il-Premju Nobel għall-Paċi li jista’ jiġi kunsidrat għalih talli serva ta’ medjatur bejn il-gvern Libjan u l-gwerriera. U forsi jistgħu anki jitħajjru ituh l-Oscar bħala l-aqwa attur fi rwol sekondarju u jippremjawh għall-espressjoni ċassa f’wiċċu. Espressjoni li kapaċi tibqa’ ċassa anki meta l-fatti jmeruh u jkun nesa’ l-gideb li jkun qal.

Jidher li l-ikbar kisba li qatt għamel Neville Gafa’ hi li nzerta kien fl-istess klassi ma’ Joseph Muscat fl-iskola tan-nuna.

Din ir-relazzjoni li għandu ma’ Joseph Muscat tant hi importanti għalih li ma jimpurta xejn li ma jingħatax salarju.

Kif Mario Cutajar, is-Segretaju tal-Kabinett u kap tas-servizz ċivili spjega lit-Times of Malta llum, Neville Gafa’ fil-fatt m’għadux jitħallas salarju u mhuwiex impjegat, konsulent jew kuntrattur mal-gvern.

Huwa “voluntier” – jiġifieri xi ħadd li jagħti servizz lill-komunita’ mingħajr ma jingħata xejn lura bħala ħlas.

Neville Gafa’ ma sarx voluntier għar-raġuni li m’għadux jiġbed salarju wara li Chris Fearne keċċieh mill-organizzazzjoni li kienet qed tħallsu biex joqgħod idejh fuq żaqqu.

Jien ngħid li xorta waħda għadu qed jitħallas, jekk mhux bi flus, bl-aċċess li għandu għall-kuriduri tas-setgħa.

Li kieku konna f’pajjiż ieħor fid-dinja, Neville Gafa’ kien ikun kunsidrat bħala theddida għas-sigurta’. Dan il-bniedem jidħol f’Kastilja qisu dieħel f’daru u għandu aċċess liberu għas-sigrieti tal-istat u għal dokumenti li jittrattaw dwar is-sigurta’ nazzjonali. U dan il-bniedem m’huwiex marbut li jaġixxi skond l-Official Secrets Act jew skond il-kodiċi ta’ etika għas-servizz publiku jew anki skond il-ħtiġijiet bażiċi tal-liġi dwar l-impjiegi.

Skond kif stqarr hu stess, Neville Gafa’ mar Tripli għal btala. Iltaqa’ ma’ ministri tal-gvern tal-Libja, persuni li sejjħilhom “ħbieb tiegħu”. Kumbinazzjoni ltaqa’ fit-triq ma’ gwerriera li jinsabu mixlija mill-Ġnus Magħquda b’reati tal-gwerra u b’atroċitajiet u li huma magħrufin għall-mod kif jieħdu l-liġi b’idejhom fuq l-art u fuq il-baħa. Jiekol ukoll il-kirxa magħhom. Għalih din m’hix ħaġa ta’ barra minn hawn. Lill-ġurnalisti lokali qalilhom li “ma kien hemm xejn serju”.

Fuq l-internet Mario Cutajar bħalissa għaddej passata ta’ tmejjil minħabba kelma li uża: “voluntier”. Dalgħodu kien hemm min ċanfarni talli assumejt li Owen Bonnici huwa mbeċilli bħallikieku din id-deskrizzjoni għandha twassal biex tpatti għall-fatt li x-xogħol ministerjali li ngħata m’huwiex ħobż għal snienu.

Ma’ Mario Cutajar mhux bi ħsiebni nagħmel l-istess ħaġa. Dan ċertament m’huwiex imbeċilli. Iżda żgur m’għoxejniex bid-daħk b’dak li int stqarrejt, Sur Segretarju tal-Kabinett. Għaliex għadek kif ammettejt li hemm persuna li tħuf kuljum fil-kuriduri ta’ Kastilja mingħajr ma għandha xi forma ta’ security clearance.

Sur Cutajar, int taf li l-konnessjonijiet li għandu dan Neville Gafa’ huma theddida għas-sigurta’.

Kif tista’ tħalli kollox għaddej qisu m’hu jiġri xejn? Possibbli tippreferi li jkun hemm min jitkaża bik talli lil dan Nevill Gafa ‘ – bniedem li ma jiswiex tebaq fwiedu – għoġbok issejjaħlu “voluntier”, meta int fid-dmir li tordna li dan ma jibqax iħuf mal-kuriduri ta’ Kastilja u fl-istess ħin issir taf x’mar jagħmel il-Libja liebes il-libsa ta’ “mibgħut speċjali tal-prim ministru”?

Ma nagħmlux mod li int taf li dan Neville verament huwa mibgħut speċjali tal-prim ministru? Forsi għalhekk sejjaħtlu “voluntier”?