Antimafia Duemila, sit tal-aħbarijiet tal-fondazzjoni li kienet saret bħala tifkira ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, illum tkellem dwar l-attakk vjolenti li sar minn partitarji tal-gvern fuq attivisti ta’ #occupyjustice li kienu qed iqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat fil-Belt Valletta. F’dan l-attakk, li seħħ f’Misraħ l-Assedju l-Kbir, kien hemm żewġ persuni li refgħu jdejhom fuq marti Clemence Dujardin, kien wieħed minn sensiela ta’ inċidenti li fihom uħud li jidentifikaw ruħħom bħala partitarji ta’ Joseph Muscat jinsultaw, igħajjtu u jimbuttaw attivisti li jkunu qed jipprotestaw f’Misraħ l-Assedju l-Kbir permezz tat-tqegħid ta’ fjuri u xemgħat fuq il-Mafkar li jinsab faċċata tal-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja.
Il-bieraħ smajt li xi ġranet ilu, f’inċident separat iżda identiku, missier u bint kellmu ħażin u attakkaw vjolentement lill-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-ġurnalista ta’ kontra l-Mafja Maria Grazia Mazzola li taħdem mar-RAI llum xandret rapport li fih irreferiet għall-attakk vjolenti fuq l-attivisti bħala attakk fuq id-demokrazija. Fl-artiklu tagħha, Mazzola tistaqsi jekk dawk li użaw il-vjolenza humiex se jgħadduha lixxa. “Jekk dan huwa il-każ, ikun sinjal perikoluż ieħor ġej minn naħa tal-awtoritajiet Maltin li jiġġustifika l-mibgħeda kontra dawk li jażżardaw jikkritikaw lill-gvern u li jeżiġu l-verità u l-ġustizzja. Din hija l-istess kampanja ta’ mibgħeda ta’ bla ħniena li kienet saret fuq Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha kemm qabel kif ukoll wara l-assassinju tagħha”.
Mazzola tikteb ukoll dwar ir-rapport li xxandar 5 ġimgħat ilu fis-Sunday Times of Malta fis-sens li kienu mminenti l-arresti tal-mandanti tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li sal-lum ma ħarġet ebda aħbar oħra dwar dawn l-arresti. “Din kienet biss propaganda. Aħbar li ma kienet aħbar xejn u li ppruvat toħloq l-impressjoni li l-każ issa huwa magħluq. Il-każ m’huwiex magħluq. Għadna ma nafux min kienu l-mandati ta’ dawk li splodew il-karrozza-bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017”.