Robert Musumeci mhux soltu li jkun ċar f’kitbietu. Ħafna drabi dak li jikteb jirrifletti t-taħwid u t-tgerfix ta’ moħħu u jkun kundizzjonat mil-lealtajiet konfliġġenti li għandu.
Il-bieraħ fi tweet, lill-kritiċi tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista b’ittri kapitali sejjħilhom “GĦEDEWWA TAL-ISTAT”.
Inkredibbli kif dawk li ma jistgħux iġerrħu li jinsabu f’minoranza baqgħu jattakkaw lil min ġie elett demokratikament. Dawn huma l-verżjoni #Maltija ta’ GĦEDEWWA TAL-ISTAT. @adriandeliapn dawk li jkomplu għaddejjin, joħorġu aktar b’saħħithom. Dan tgħallimtu mill-esperjenza .— Robert Musumeci (@ROB_MUSUMECI) 26 ta’ Diċembru 2018
Ftit ġranet qabel, kiteb tweet oħra li fiha rringrazzja lil Joseph Muscat talli żera’ ż-żerriegħa tal-imħabba u li l-partitarji Laburisti lil Adrian Delia jħobbuh u li għalhekk jinsabu fuq in-naħa tal-Istat.
Ir-rejazzjoni tal-Laburisti ghal dak li esprima Adrian Delia waqt @xarabankonlin turi kemm Joseph Muscat irnexxielu jizra s-sentiment ta’ mhabba ghall-proxxmu fost il-partitarji tieghu.— Robert Musumeci (@ROB_MUSUMECI) December 21, 2018
B’din il-kwalità ta’ raġunar mid-dinja ċkejkna ta’ Musumeci, allura Adrian Delia huwa wkoll l-Istat.
Il-bieraħ xandar tweet oħra li fiha kiteb li “l-Qaddisin Mixjin fl-Art” ser jimxu fuq strateġija li “se tmur lil hinn mil-limiti”. U għaldaqstant Robert Musumeci, mill-bejta Laburista tiegħu, sejjaħ “lill-partitarji tal-PN biex jagħtu appoġġ inkundizzjonat lill-mexxej demokratikament elett tagħhom”.
The strategy which will be adopted by the Holier Than Thou to dismiss @adriandeliapn in the coming days will surpass all limits. Time for @PNmalta core to support unconditionally their democratically elected leader.— Robert Musumeci (@ROB_MUSUMECI) December 26, 2018
Fejn ħasibna li qegħdin ngħixu dan Musumeci bis-sejħiet tiegħu favur appoġġ inkundizzjonat? Fi Pjazza Tiananmen?
Lanqas il-miżżewġin ma jappoġġjaw lil xulxin b’mod inkundizzjonat. Mara miżżewġa ħadd ma jippretendi li għandha toqgħod għas-swat ta’ żewġha. Lit-tfal ma nippretendux li għandhom joqgħodu għas-swat tal-ġenituri tagħhom. Biex ikun hemm lejalta’ min-naħa tat-tfal, jeħtieġ li jkun hemm l-imħabba u l-protezzjoni tal-ġenituri.
L-istess ħaġa tgħodd għall-impjegati fil-konfront tal-imgħallem tagħhom. Jekk il-kap tal-armata jgħaddi informazzjoni lill-għadu, int tkun fid-dmir li ma tibqax tobdi l-ordnijiet.
Żmien il-Medju Evu ilu żmien twil li għadda. Mexxej nibqgħu nappoġġjawh kemm il-darba nħossu li jkun ħaqqu dan l-appoġġ. U dan l-appoġġ nistgħu nirtirawh kemm il-darba nintebħu li t-tmexxija m’hix ħobż għal snienu.
Dwar il-motivazzjoni tiegħu meta sejjaħ għal “appoġġ inkundizzjonat”, kuntrarjament għas-soltu, Robert Musumeci kien ċar.
“B’Adrian Delia fit-tmun, il-PN m’għandux ċans li jegħleb lill-Imperatur tagħna Joseph Muscat”.
Huwa minn ewl id-dinja li jiena nappoġġja lil Adrian Delia li jixbaħ kemmxejn lil Alfred Sant. Bih fit-tmun, m’hemmx ċans li jingħeleb l-imperatur tagħna @JosephMuscat_JM — Robert MUSUMECl (@ROB_MUSUMECl) 26 ta’ Diċembru 2018
Jekk Robert Musumeci kien qed jipprova juża s-sarkażmu, huwa jmissu jaf li s-sarkażmu jkun effettiv biss meta l-ironija tkun imbiegħda sew mir-realta’.
Bi ħbieb bħal dawn, x’nambuhom lill-għedewwa.
“Għadu tal-Istat”? X’inhi l-piena għal min ikun ħati li huwa “għadu tal-Istat” skond seħibna Robert Musumeci? Il-forka? Li tinħaraq ħaj? Tgħajjir permezz tal-Facebook? Karrozza-bomba?