Huwa verament ta’ tħassib il-fatt li l-PN u l-mezzi tax-xandir tiegħu qed ikomplu jinjoraw il-kwistjoni dwar Mario Portelli. Nifhem li wieħed ikun jeħtieġ żmien biex jirrifletti sakemm joħorġu l-fatti kollha. Mhux kulħadd jaf x’fihom il-liġijiet li jipprovdu dwar l-eventwalitajiet li fihom persuna tkun tista’ tintbagħat fi sptar mentali kontra r-rieda tagħha, għalkemm il-PN kellu ż-żmien kollu biex jiċċekkja l-liġijiet bħalma kelli jien. Kulma jkollok bżonn hu li tfittex il-parir ta’ avukat li jaħdem fil-kamp tal-liġi kriminali biex ifissirlek arrest illegali f’hiex jikkonsisti. U psikjatra prattikanti jkun jista’ jfiehmek il-proċedura taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali.

Mhux jien biss esprimejt tħassib nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar: Caroline Muscat ta’ The Shift News esprimiet it-tħassib tagħha wkoll. Ma skantajt xejn li l-organizzazzjoni tal-aħbarijiet tagħha, li tant ta’ spiss tiffoka fuq kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem, uriet it-tħassib tagħha hi u tosserva raġel jitkaxkar lejn sptar mentali minn pulizija li ċertament m’humiex kwalifikati li jagħmlu analiżi medika psikjatrika.

Il-bieraħ Godfrey u Marlene Farrugia żaru lil Mario Portelli fl-isptar. Għamlu sewwa li żaruh u, sakemm għamlu dan, bħal donnu ħadd ma ħabbel rasu li bniedem kien ġie ttimbrat bħala persuna li jista’ jkun ta’ periklu għalih innifsu jew għal ħaddieħor u maqful kontra r-rieda tiegħu, meta kull ma għamel kien li xandar posts fuq il-Facebook li faċilment setgħu ġew injorati minn min ma jikkunsidrahomx bħala posts kredibbli. Fuq il-Facebook wieħed isib stejjer irrilevanti kemm irid. Iżda hija ħaġa tal-waħx li xi ħadd jista’ jsib ruħu maqful fi sptar mentali għaliex xi ħadd ieħor jidhirlu li ma messux ixxandar dak li xxandar. Nirrepeti, dak li tkellem dwaru Mario Portelli ma jinteressani xejn. Dak li allega dwar min hu sid l-Egrant m’għandu qatt iwassal għal dan. Każ simili kien seħħ f’okkażjoni oħra: il-Pulizija kienet qaflet raġel fi sptar mentali meta dan kien għamel protesta quddiem Kastilja waqt li Joseph Muscat kien fl-uffiċċju tiegħu.  Qorti kienet wriet l-iskantament tagħha dwar dan u esprimiet ruħħa bil-miftuħ f’dan is-sens. Dan ukoll jista’ jiġri lilek. M’għandniex xi ngħidu, jista’ jgħaddilek il-ħsieb li mhux se tkun proprju int li xxandar post fil-Facebook li fih takkuża b’abbuż lill-Prim Ministru jew li titla’ t-taraġ ta’ Kastija b’kartellun f’idejk. Forsi int wieġed minn dawk li jaħsbu li jagħmel dawn l-affarijiet biss min hu “miġnun”. Kollox sew. Iżda nippretendi li wieħed għandu jippreferi li ma jxandarx posts jew filmati fuq il-Facebook jew li jipprotesta fi pjazza pubblika għax ikun jidhirlu azzjonijiet bħal dawn m’humiex mod effettiv biżżejjed kif wieħed ikun jista’ jwassal messaġġ milli jagħżel li ma jagħmel xejn minn dan kollu minħabba l-biża’ li jekk jieħu azzjonijiet bħal jista’ jispiċċa maqful fi sptar mentali. Jekk toqgħod lura minħabba din il-biża’, dan ikun ifisser li tkun qed tgħix taħt ħakma tat-tiranni.

Meta l-bieraħ l-Alleanza dwar is-Saħħa Mentali xandret stqarrija li fiha talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jserraħ l-imħuħ li kienu ġew segwiti l-proċeduri kollha preskritti mil-liġi, bosta kienu dawk il-mezzi tax-xandir li tkellmu dwar suġġett li kienu ilhom jafu bih iżda li dwaru baqgħu ma tniffsux għal 24 siegħa sħaħ. Permezz tal-istqarrijiet tagħhom, Godfrey u Marlene Farrugia — tabib u dentista rispettivament — intwera’ t-tħassib dwar il-periklu serju li jkun hemm kemm il-darba jirriżulta li l-Pulizija tkun injorat il-liġijiet tal-pajjiż.

X’inhuma jistennew biex jitkellmu dwar il-każ tan-Net TV u l-PN? Għaliex qed iżommu lura milli jesprimu fehmithom? Ara ma tmorrux taħsbu li tal-PN qed jaħsbu b’mod tattiku. Din tista’ tkun l-ispjegazzjoni għall-fatt li, biex nieħdu eżempju wieħed, huma njoraw totalment l-inċident dwar ix-xalata tal-prim minstru u l-kant partiġġjan f’bini pubbliku. Wara kollox, tan-NET TV xandru sensiela sħiħa b’mod drammatiku l-kwistjoni dwar ix-xalata partiġġjana li seħħet fost impjegati tal-Bank Ċentrali waqt festin tal-Milied. Għandi nifhem li l-PN ma jqisx li l-Prim Ministru għandu jiġi eżentat milli jġib ruħu b’mod dinjituż bħalma jippretendi imġieba dinjituża mill-impjegati tal-Bank Ċentrali. Jista’ jkun li fil-każ tax-xalata fil-Girgenti, dehrilhom li Joseph Muscat kien għamel biżżejjed ħsara lilu nnifsu u ma kienx hemm għalfejn li wieħed joqgħod jikkummenta aktar biex is-segwaċi ta’ Muscat ma jiġux provokati. Jew forsi ftakru f’okkażjonijiet fejn Adrian Delia ma ġabx ruħu ħafna aħjar minn hekk u li jkun aħjar jekk ma jitqajjmux katavri.

Allura, ngħid jien, għaliex il-każ ta’ Mario Portelli ma semmewh xejn? X’inhi r-raġuni li qegħdin jinjorawh? Jekk qed jagħmlu dan għaliex, fejn għandu x’jaqsam dak li qed igħid li jaf dwar Egrant, Mario Portelli mhux kunsidrat bħala bniedem kredibbli, forsi nasal biex nifhem li jitkellmu f’dan is-sens anki jekk, fl-istess nifs, jiddefendu d-dritt tiegħu li ma jiġix arrestat b’mod arbitrarju u abbużiv, id-dritt li jqabbad avukat, id-dritt li jkun jaf dwar xiex ikun qed jiġi mixli u d-dritt tiegħu li jesprimi fehmtu bil-libertà. Nittama li issa tal-PN m’hux qed jidhrilhom li min jesprimi ruħu b’dan il-mod m’għandux jitwemmen u għandu jinqafel f’sptar mentali.

M’għandhomx għallinqas, bħala partit li ma jittollerax ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jistqarru li arrest illegali jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u dan irrispettivament mill-identità tal-vittma u tal-fehmiet politiċi tagħha?