Fid-dawl tal-iskandli dwar korruzzjoni u ħasil internazzjonali ta’ flus, issa qed naraw istituzzjoni oħra tieħu majnata.
L-imġieba ta’ Marie Louise Coleiro, wara li xxandar il-filmat tal-Oxford Union li fih instemgħet tgħid li ma kienx hemm “provi legali” dwar dak li għamel il-Pilatus Bank, jista’ jservi ta’ twissija lil dawk li mingħalihom se nistgħu nsibu tarf il-problemi ta’ dan il-pajjiż jekk jiżdiedu s-setgħat kostituzzjonali tal-President. Għalkemm il-President m’għandha ebda setgħat, ta’ sikwit iġġib ruħħa bħallikieku għandha taqa’ l-giljottina fuq min jażżarda jikkritika dak li hi tlissen pubblikament.
Araw ftit kif tfantset dwar il-kummenti ta’ “ċertu nies” (kos, min jaf għal min qed tirreferi?) dwar id-diskors tant imbarazzanti li lissnet fl-Oxford Union. Qalet li kliemha ġie kwotat “kompletament barra mill-kuntest li ntqalu biex tinħoloq sensazzjoni”.
Għal liema kuntest kienet qed tirreferi l-President? Forsi kienet qed tirreferi għall-gwerra bla ħniena li dan il-pajjiż qed jagħmel kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-tixħim imternazzjonali u l-korruzzjoni? U żgur li le. Il-kuntest huwa msejjes biss fuq mistoqsija li għamel parteċipant waqt l-attività: dan staqsa: ‘Malta ħadet xi tagħlima mill-iskandlu tal-Pilatus Bank?’ Bit-tweġiba li tat, ippruvat – mingħajr ma rnexxielha – li tevita li twieġeb. La semmiet xejn dwar tagħlimiet u lanqas dwar kinitx seħħet xi ħaġa ħażina jew le. Lanqas ma semmiet il-fatt li lien inbeda’ proċess legali li mbagħad wassal għall-għeluq tal-Pilatus Bank mill-Bank Ċentrali Ewropew wara li l-Awtorità Bankarja Ewropea sabitu ħati ta’ ksur sistematiku tal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus.
Kull ma kienet kapaċi tlissen il-President kienet is-soltu skuża klassika li jġib Muscat li dak li ma jiġix pruvat fil-Qorti m’huwiex veru. L-abjad jeħtieġ li ngħidulu abjad u l-iswed, iswed. Il-President għażlet minn jeddha li tagħmel stqarrija dwar kwistjoni ta’ kontroversja nazzjonali. U din il-kwistjoni ta’ kontroversja nazzjonali hija s-suġġett ta’ kawża taħraq li hemm pendenti kontra l-gvern. Fin-nofs hemm ukoll l-interessi ta’ pajjiżi oħrajn li, grazzi għad-diskors li lissnet, setgħu ixommu li l-Istat Malti għandu ċerta lealtà fil-konfront ta’ bniedem li qed jistenna li jgħaddi ġuri fl-Amerika mixli bi ksur ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran.
U hekk kif “ċertu nies” ġibdulha l-attenzjoni, il-President ilmentat li dan kien kollu “sensazzjonaliżmu”.
Ma nafx x’naqbad ngħid. Li hu żgur hu li s-sensazzjoni tinħoloq meta l-President ta’ Malta iżomm ma’ min ikun għamel kawża kontra l-gvern ta’ Malta fuq tilwima legali kbira. Tabilħaqq qed isir moda d-diskors dwar tradituri. Aktar tard ħarġet “kjarifika” biex tgħid li, meta stqarret kliem fis-sens li “m’hemmx provi legali dwar dak li kien għamel il-Pilatus Bank”, kienet qed tirreferi għallprovi fil-qorti u dan peress li l-kawża li hemm kontra ċ-chairman tal-bank għadha pendenti. Għal liema kawża qiegħda tirreferi l-President? Żgur ma kinitx qed tirreferi għall-kawża li saret f’New York għaliex lil dawk li kellha quddiemha fl-Oxford Union qaltilhom li din il-kawża ma kellha xejn x’taqsam mal-Pilatus Bank.
Alolura din x’riedet tgħid biha? Ġaladarba ma kellha ebda ħsieb li tagħti x’wieħed jifhem li l-Pilatus Bank ma kienet xejn ħlief għaqda tal-karità, x’ġiegħla tlissen dak li lissnet? Fil-kuntest li qalet dak il-kliem, wieħed ma jistax ma jifhimx li kliemha kien dirett biex jiddefendi lill-Pilatus Bank.
Meta l-President, minn jeddha, tidħol bejn il-basla u qoxritha ma tistax imbagħad tilmenta li jkun hemm “ċertu nies” li jgħarblu dak li tkun qalet. Il-President m’hix ir-Re tat-Tajlandja. Ma tistax tippretendi titqies bħala simbolu tal-għaqda nazzjonali u fl-istess ħin tiddefendi bank li ħammrilna wiċċna mad-dinja.