Issa dar dawra durella.
Meta Adrian Delia kien beda’ t-triq tiegħu, qalilna li l-PN kien iffissa fuq il-korruzzjoni għaliex Daphne Caruana Galizia kellha ħakma fuq il-Partit. Kien qalilna wkoll li taħt il-ħakma tagħha u taħt it-tmexxija dgħajjfa ta’ Simon Busuttil, il-PN kien inqata’ għal kollox mill-“kwistjonijet li jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj”. Qalilna li l-Partit kien sar negattiv wisq u li kien immexxi mill-aġenda ta’ biċċa blogger li kien il-kaġun ta’ sensiela ta’ telfiet li setgħu biss jiġu rimedjati permezz ta’ “Mod Ġdid”.
Jekk huwa minnu li, bejn l-2015 u l-2017, il-kampanja kontra l-korruzzjoni li nieda l-PN kienet waħda negattiva, it-twarrib eventwali tal-istess kampanja kienet azzjoni negattiva doppjament. Fi kliem ieħor, din tan-negattività ma kienet xejn ħlief ħrafa li lill-PN ma wasslitu mkien.
Wara li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, il-kap il-ġdid tal-PN kien ħassu ħażin u, hekk kif stejqer, il-PN dlonk qabad triq li tikkontradixxi t-twemmin bażiku tiegħu. Għal ftit jiem il-PN ħareġ jikkundanna l-“assassinju politiku” iżda mbagħad, għal xhur sħaħ, għamel minn kollox biex jinjora dan id-delitt u dan biex juri kemm hu pożittiv u biex ma jidhrix “negattiv”. Fid-dagħdiha li kellu biex jidher ħelu u ma jiġix mgħajjar “negattiv” mill-gvern, il-PN sa wasal jittanta jibgħat lil Simon Busuttil f’eżilju politiku.
Għal xhur sħaħ, il-PN baqa’ jagħti dahru lil min kien qed iniedi kampanji kontra l-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat. Il-protesti u l-velji li saru biex iġiegħlu lill-istituzzjonijiet jaqdu d-dmir tagħhom, il-PN injorahom u saħansitra organizza attivitajiet f’istess ħin biex iġiegħel lill-membri tiegħu jagħżlu għal liema attività kellhom jattendu. Għal xhur sħaħ, il-mezzi tax-xandir tal-PN baqgħu jinjoraw – u għadhom sal-lum jinjoraw – lil tal-Occupy Justice, lil Repubblika, lill-Kenniesa u kull min għandu xi rabtiet magħhom: lill-metodi tal-mezzi tax-xandir tal-Labour ċertament m’humiex jagħmlulhom għajb. Kien hemm żmien ukoll li x-xandir tal-PN kien għereq fil-ħama meta beda’ kampanja biex jiskredita lil tal-Occupy Justice u saħansitra xliehom li huma favur l-abort u li huma frodisti.
Minkejja dawn l-isforzi kollha, Adrian Delia issa qed jintebaħ li llum numru mdaqqas ġmielu ta’ dawk li fl-2017 vvotaw lill-PN xorta waħda baqgħu bis-sentiment qawwi li kellhom kontra l-korruzzjoni tal-gvern u kontra l-falliment tal-istituzzjonijiet. Aqraw ir-rapporti dwar id-diskors tiegħu tal-lum waqt attività tal-Partit. Kliemu seta’ faċilment lissinhom Simon Busuttil meta kien għadu mexxej tal-PN. Il-vapur tal-“Mod Ġdid” issa nkalja. M’hemmx aktar skop għall-pożittività. Id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali f’daqqa waħda reġgħu ħadu s-soppravvent. Il-PN reġa’ dar dawra tond u reġa’ qabad it-triq lejn Damasku.
Lil tal-Occupy Justice, Adrian Delia issa m’għadux jixlihom li huma frodisti u li huma favur l-abort. Issa li dawn qed igħidilhom li jeħtieġ li jivvotaw PN jekk iridu jikkumbattu l-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u biex l-istituzzjonijiet jiġu mġiegħla jaqdu dmirhom fil-konfront ta’ dan il-ħmieġ. Dawk kollha li japprezzaw l-importanza tal-korruzzjoni u tas-saltna tad-dritt – anki meta kemm il-PL kif ukoll il-PN kienu xebgħu jgħidulhom li dawn m’humiex kwistjonijiet ta’ importanza – m’għandhomx bżonn lil Adrian Delia biex joqgħod ifiehemhom kemm huwa importanti li jixħtu l-vot tagħhom. Dawn jafu li l-maġġoranza kbira li għandhom tal-Labour hija theddida għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali. Dawn jafu li, tul dawn l-aħħar sentejn, David Casa u Roberta Metsola wettqu ġlieda feroċi fil-Parlament Ewropew biex jiddefendu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt – ħaġa li Adrian Delia ma kienx ikun kapaċi jagħmliha f’mitt sena. U għax issa Adrian Delia falla kompletament – ħaġa li ħafna kienu stennewha – fl-attentat tiegħu li lill-PN ixiddlu libsa li tixbaħ ħafna lil dik li Joseph Muscat libbes lill-partit tiegħu, dawn jifhmu wkoll li t-tmexxija tal-PN issa tatha rasha u qed tibdel id-diska bil-għan li tipprova terġa’ tattira lil dawk kollha li tant naffret.
Madankollu jibqa’ l-bużillis li, fuq il-medda ta’ dawn l-aħħar 18 il-xahar, is-sondaġġi baqgħu konsistenti u jitkellmu weħidhom: il-messaġġ li qed jitwassal minn dawn is-sondaġġi hu li, tgħid x’tgħid it-tmexxija tal-PN (m’użajtx il-verb “tagħmel” għax fil-verità t-tmexxija tal-PN m’hi tagħmel xejn), l-elettorat ma jridx jaf biha.
Dawk li jivvotaw Labour jew PN jiġri x’jiġri u jkun min ikun il-mexxej tal-partit, hekk ser jibqgħu jagħmlu. Din il-kwalità ta’ votanti hekk kienu għamlu meta l-Labour kien immexxi minn Karmenu Mifsud Bonnici jew minn Alfred Sant u hekk donnhom se jagħmlu kemm ilu li daħal fix-xena Adrian Delia.
Dawk il-votanti li jivvotaw lil dak il-partit li jippermettilhom li jissodisfaw ir-regħba tagħhom u li jaqilgħu lira a skapitu tas-sostenibilità ambjentali u ekonomika ta’ Malta, għalissa se jibqgħu jivvutaw Labour.
Dawk li, kemm ilhom jivvutaw, dejjem xeħtu l-vot tagħhom favur dak il-partit li dejjem wera’ impenn konsistenti f’dawk li huma sens komun, diċenza u trażżin – anki jekk setgħu ma qablux ma’ xi deċiżjonijiet tiegħu fl-oqsma tal-politika soċjali u tat-tħaris tal-ambjent – sal-lum għadhom bejn ħalltejn dwar kif ser jivvutaw daqs kemm kienu bejn ħalltejn f’dak il-lejl sħun f’Settembru meta ħarġet l-aħbar li Adrian Delia kien rebaħ bi ftit voti t-tellieqa għat-tmexxija tal-PN. Huma u jiġu njorati mit-tmexxija tal-PN, dawn il-votanti ma bidlux fehmithom. Daqs kemm ma bidlux fehmithom meta t-tmexxija tal-PN iddieħket bihom. Issa Adrian Delia qed jittanta jidlikhom bix-xema’. Iżda jista’ jibqa’ ċert li ser ikun qed jagħżaq fl-ilma.
X’aktarx li, fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, dawn il-votanti se jispiċċaw jivvotaw għal uħud mill-kandidati tal-PN mhux għax hekk jixtieq Adrian Delia. X’aktarx ser jagħmlu hekk għaliex għalihom il-pajjiż jiġi l-ewwel u jifhmu l-ħtieġa li l-pajjiż ikollu rappreżentanti eletti li huma favur il-valuri tas-sewwa u tal-ġustizzja. U dan minkejja l-fatt li Adrian Delia ried lil kulħadd jaħseb li dawn il-valuri issa m’għadhomx moda.
Min jaf? Forsi Adrian Delia imbagħad imur jiftaħar li dawn il-voti inxeħtu favur il-PN bis-saħħa tiegħu. Tabilħaqq tkun reazzjoni mill-aktar patetika. Iżda ejjew għall-mument nagħtu każ dak li huwa tassew importanti.