Grupp ta’ tfal tal-iskola Maltin illum ingħaqdu ma’ sħabhom minn madwar id-dinja biex jipprotestaw kontra n-nuqqas ta’ azzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Lil dawk li huma fis-setgħa, dawn l-istudenti riedu jwasslulhom il-messaġġ biex iħeġġuhom jiċċaqalqu minnufiħ u mingħajr aktar telf ta’ żmien biex jiġi evitat diżastru ambjentali.

Illum Evarist Bartolo ħa ħsieb biex jidher fl-ewwel filliera. Proprjament dan kontra min kien qed jipprotesta? Nasal biex nifhem il-preżenza ta’ studenti li kienu qegħdin ifakkru lil min jinsab fis-setgħa li jeħtieġ li jiċċaqilqu minnufiħ. Iżda Evarist Bartolo hu wieħed minn dawk li jinsabu fis-setgħa. Minn dik il-filliera ta’ quddiem, lil min kien qed jindirizza?

Anki li kieku jappoġġja bis-sħiħ dak li dwaru kienu qed jipprotestaw l-istudenti, post Evarist Bartolo ċertament ma kienx fil-protesta. Issa m’għandix dubju li n-nies tiegħu ser joqomsu u ser jagħmlu minn kollox biex ixandru ritratti ta’ politiċi medjokri oħra minn madwar id-dinja, – dawn moħħom biss biex jidhru – li wkoll attendew fl-ewwel fillera ta’ protesti simili li saru llum fi bliet oħra. Jiena stess ippruvajt infittex xi ritratt ‘l hawn u ‘l hinn, iżda ma rnexxili nsib xejn. M’għandniex xi ngħidu, Bartolo għandu mnejn isib xi ritratt ta’ boloħ politiċi minn bnadi oħra li bħalu li jkunu mejtin biex jidhru fir-ritratti biex bħal speċi tinstab skuża għall-imġieba tiegħu.

Il-verità hi li meta politiċi jippruvaw jisirqu ċ-ċentru tal-attenzjoni saħansitra anki f’inizjattivi mhux kontroversjali tas-soċjetà ċivili, dawn mhux talli ma jkunux qed jagħtu lil dawn l-inizjattivi l-appoġġ tagħhom, iżda jkunu qed jinnewtralizzaw kull impatt li jista’ jkollhom. Meta s-setgħana jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom, kulma jkunu qed jagħmlu hu li jberrdu rabja leġittima tal-protestanti u fl-istess waqt ikunu qed iqiegħdu sarima ma’ ħalq dawk li jkunu jridu jesprimu kritika fil-konfront tagħhom.

Ħaġa bħal din mhux l-ewwel darba li ġrat. Iżda huwa tassew ta’ għajb li politiku bħal Evarist Bartolo (u l-gvern u l-partit rappreżentati minnu) lanqas biss għandu d-diċenza li jittollera l-ilħna indipendenti ta’ ftit mijiet ta’ studenti u ta’ tfal tal-iskola li għalenija qed jagħmlu sejħa biex tittieħed azzjoni kontra t-tibdil fil-klima.

Fost is-sejħiet li qed isiru hemm dik li tħeġġeġ lill-gvernijiet madwar id-dinja biex jiddikjaraw “emerġenza klimatika”, sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-serjetà tas-sitwazzjoni attwali u sabiex “il-kriżi ekoloġika” tiddaħħal fil-kurrikulu nazzjonali.

Evarist Bartolo m’għandux għalfejn jiddimostra fit-toroq biex jagħmel sejħa favur dawn it-tibdiliet. Jekk irid għandu s-setgħa f’idejh biex iwettaq dawn it-tibdiliet u jmissu jwettaqhom mingħajr ma joqgħod jipprova jpinġi lilu nnifsu bħallikieku l-idea wara l-organizzazzjoni tal-protesta kienet xogħolu.

Dawk il-ftit studenti li ħarġu jipprotestaw illum diġà kellhom biċċa xogħol iebsa biex jikkumbattu l-apatija patoloġika jew il-biża’ inspjegabbli ta’ sħabhom, li għal ftit ma jiddieħkux bihom talli jindenjaw ruħom li joħorġu jipprotestaw. Uħud minn dawn tgħidx kemm jitħambqu fl-iskejjel jew fid-djar dwar it-“telf ta’ żmien”. Bħallikieku l-ħarsien tad-dinja għall-ġenerazzjonijiet li telgħin mhix minnha nnifisha kwistjoni ta’ serjetà kbira.

F’nofs il-protesta tal-istudenti għalhekk kellna nassistu għall-presenza ta’ politiku li jagħmel parti minn gvern li qed juri indifferenza ġmielha għat-tibdil fil-klima. U l-istudenti tagħna – x’aktarx minħabba l-kuntest soċjali li fih trabbew – ma jħossuhomx komdi li jikkonfrontaw lil  Evarist Bartolo billi jistaqsuh x’inhu jagħmel biex iħares lid-dinja tagħhom.

Ċertament ma staqsewhx jekk għax-xogħol jippreferix jimxiha aktar milli jirkeb il-karrozza ministerjali, jew għallinqas jippreferix jirkeb ir-rota jew karrozza tal-linja. X’aktarx lanqas staqsewh jekk ikejjilx il-carbon footprint tiegħu u dwar kemm jirnexxielu jnaqqasha minn sena għal sena.

Setgħu ukoll staqsewh, fis-snin kollha li ilu fil-politika, kemm il-darba tkellem dwar it-tibdil fil-klima: x’aktarx ir-risposta li kien jagħti kienet tieħu l-forma ta’ tbissima ċassa fuq wiċċ politiku li m’għandux idea x’suppost għandu jagħmel.