Il-Ħadd li għadda f’The Shift News Ranier Fsadni kellu raġun biex ibiegħ meta kiteb li ma jaqbilx ma’ min isostni li l-gvern kuljum ineħħi l-fjuri u x-xemgħat minn mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta għax irid jipprova jnessi l-fatt li għad hemm għadd ta’ mistoqsijiet mhux imwieġba dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. X’aktarx li r-raġuni hi li, għal uħud li għal snin twal ġew kundizzjonati mill-propaganda tas-Super One li ddemonizzat lil Daphne Caruana Galizia, l-fjuri u x-xemgħat biswit il-mafkar iservu ta’ provokazzjoni.

Mur għidli li, jien u naqra l-kitba ta’ Ranier Fsadni l-Ħadd filgħodu, dak li huwa kien osserva kellu jiġi konfermat matul il-lejl ta’ qabel. Is-Sibt filgħaxija waqt il-velja, ġiet fuqi persuna li qaltli li xi ġranet qabel kienet imxiet tul Triq ir-Repubblika flimkien ma’ bintha li m’għadhiex residenti f’Malta. Inzertaw  ġew wiċċ imb’ wiċċ ma’ Owen Bonnici – persuna li kienu ilhom jafuh minn ċkunitu – u pprotestaw miegħu talli l-gvern kontinwament qed ineħħi x-xemgħat u l-fjuri minn Misraħ l-Assedju l-Kbir. Ara ma tmorrux taħsbu li weġibhom kif iwieġeb bħas-soltu fis-sens li ‘xogħlu hu li jara li l-post jinżamm nadif’ jew ‘jeħtieġ li nsewwu l-ħsarat li hemm fil-mafkar’. Qalilhom li l-fjuri u x-xemgħat jitneħħew biex tiġi evitata reazzjoni vjolenti minn nies f’Misraħ l-Assedju l-Kbir: fi kliem ieħor, irid iżomm l-ordni pubbliku billi jeħles ħafif. Xogħol il-gvern għandu jkun dak li jibbilanċja d-dmir li jħares lill-protestanti mill-vjolenza ta’ dawk li ma’ jaqblux magħhom mad-dmir li jippermetti l-libertà sħiħa tal-espressjoni b’mod partikolari ta’ dawk li jagħżlu li jipprotestaw. Jidher li l-gvern qed isibha aktar faċli li jħares lin-nies mill-vjolenza hu u jinjora d-dritt tal-espressjoni ħielsa.

Madankollu għad hemm għadd ta’ mistoqsijiet li għadhom bla tweġiba. X’rabja qed jipprova jikkontrolla l-gvern meta, b’mod persistenti u minkejja l-kundanni tal-mistħija li qed jaqla’ minn madwar id-dinja, jibqa’ jirrifjuta li jiftaħ inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia? Tgħid qed jinkwietaw xi ftit iżżejjed mir-reazzjoni ta’ erba’ minn nies ta’ rashom sħuna li ta’ spiss ikunu għassa fl-inħawi ta’ Misraħ l-Assedju l-Kbir biex jaraw li ħadd ma jqiegħed imqar fjura mal-mafkar?

It-tnedija ta’ inkjesta pubblika tkun azzjoni msejsa fuq is-sens komun. L-iskuża li qed iġib l-Avukat Ġenerali fis-sens li inkjesta bħal din tista’ tfixkel l-investigazzjoni kriminali li tinsab għaddejja m’hi xejn ħlief ħmerija. Araw ftit x’azzjoni ttieħdet f’dawn l-aħħar ġranet fi New Zealand wara li seħħ il-massakru tal-Musulmani minn estremist fanatiku tal-lemin. Fi żmien erbat ijiem, il-Prim Ministru ta’ dak il-pajjiż Jacinda Ardern ħabbret li kienet ser tniedi inkjesta dwar in-nuqqasijiet tal-aġenziji tal-gvern — inklużi l-pulizija, s-servizzi sigrieti, id-dwana u l-immigrazzjoni — qabel seħħ l-attakk terroristiku. It-tnedija ta’ inkjesta bħal din għaliex taħsbu li hi waħda ta’ importanza? Għaliex importanti għall-Prim Ministru li l-pajjiż jagħti ħarsa mill-qrib lejn ir-responsabbiltajiet tagħha u tal-gvern tagħha f’ċirkostanzi li fihom it-twettiq ta’ delitt ma ġiex evitat. Id-dritt għall-ħajja jinkludi wkoll id-dmir tal-Istat li jħares liċ-ċittadini u lil dawk il-bnedmin kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Għalkemm huwa minnu li ħadd m’hu nfallibbli, n-nuqqasijiet jeħtieġ li dejjem jiġu mgħarbla sewwa u r-responsabbiltà jeħtieġ li tintrefa’ u dan biex ma jerġgħux jiġru traġedji bħal dawn fil-futur. L-inkjesta li tħabbret il-bieraħ fi New Zealand ma twaqqfitx minħabba inkjesta oħra kriminali għaliex l-iskop wara t-tnedija ta’ kull waħda minnhom huwa differenti u waħda ma tikkanċellax lill-oħra.

Huwa mifhum ukoll li ż-żewġ inkjesti ser jinbdew minnufih għax il-ftira sħuna tajba u huwa magħruf li aktar ma jgħaddi żmien, aktar ikun diffiċli li wieħed jistabilixxi l-fatti. Allura, ngħid jien, x’hemm wara r-rifjut tal-gvern li jniedi nkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ ġurnalista? Dan l-assassinju mhux biss ħassar u żeblaħ id-dritt ta’ Daphne Caruana Galizia għall-ħajja. Ħassar u żeblaħ ukoll id-dritt għall-libertà tal-informazzjoni.

L-Istat jeħtieġ jara kif u għaliex dan kollu tħalla jseħħ.