Ħabat tajjeb li l-amministrazzjoni tal-qrati tagħna ma tqabbditx biex torganizza il-vjaġġ li jmiss lejn il-qamar.
Ejjew naraw ftit x’inhuma l-fatti. Numru ta’ xhieda li riedu jikkonfermaw li Neville Gafà kien ixxaħħam biex iħarġulhom viżi mediċi, b’riskju personali għalihom, ivvjaġġaw lejn il-qorti ta’ Tripli biex jixhdu f’kawża li qed issir hawn Malta.
Suppost kellhom jagħtu x-xhieda tagħhom illum stess wara li kien sar appuntament diversi ġimgħat ilu bi ftehim bejn il-partijiet kollha. Din ix-xhieda kellha titwassal Malta permezz tal-iSkype li llum jużah b’faċilità kważi kulħadd.
Iżda l-amministrazzjoni tal-qorti tagħna tridna nemmnu li ma leħqitx għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex issir it-telefonata Skype. Fl-awla tal-qorti naqta’ rasi li kien hemm mill-inqas tużżana mobiles u kien ikun miraklu żgħir li kieku lanqas wieħed minn dawn ma kien smartphone li permezz tiegħu setgħet issir it-telefonata Skype.
Ix-xhieda li kellha tingħata ġiet posposta għal data oħra.
Ejjew għal mument inwarrbu l-isforz li jeħtieġ nagħmlu biex naċċettaw l-ispjegazzjoni uffiċjali bħala waħda fattwali.
Neville Gafà ilu xhur u snin jipprova jaħrab mill-ġustizzja fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni u fuq ħruġ ta’ viżi foloz. Il-Pulizija, wara li kienet serrħet rasha li l-provi kienu diġà għebu, għamlet tabirruħha li kienet qed tiġbor il-provi. Huwa żar il-Libja b’arja ta’ awtorità li fil-fatt ma kellux u, skont kif irrappurtaw diversi għejjun fi Tripli, tkellem ma’ xhieda potenzjali li setgħu jikkonfermaw li kien wettaq delitti kriminali.
U mbagħad ingħata l-kenn mill-imgħallem tiegħu Joseph Muscat, persuna li lill-kriminali li kien l-iskola magħhom jagħtihom immunità sħiħa.
Issa li diversi xhieda dehru fil-qorti ta’ Tripli armati b’xhieda li tista’ tgħarraq lil Neville Gafà, dan ingħata xahar ieħor biex jassigura li dawn jispiċċaw ma jixhdux.
U kif jiġri lill-whistleblowers f’dan il-pajjiż, dawn ix-xhieda ġew imġiegħla jikxfu l-identità tagħhom u juru wiċċhom f’post li fih wieħed jista’ jinnota r-rieda tagħhom li jixhdu mingħajr ma fil-fatt tinstema’ x-xhieda tagħhom.
Daqs Neville Gafà nibqa’ sorpriż jekk fil-fatt qatt isseħħ din l-imbierka telefonata Skype.
Illum kien il-Maġistrat Francesco Depasquale li ppresieda l-qorti u nimmaġina li f’butu kellu smartphone li permezz tiegħu kapaċi jsiru telefonati Skype. Min jaf? Jista’ jkun ukoll li sas-seduta li jmiss ma jkunx dan l-istess Maġistrat li jippresjiedi l-qorti.