Ir-raġel ta’ Helena Dalli m’huwiex jaċċetta sentenza tal-Qorti tal-Appell li permezz tagħha ġie deċiż li Caroline Muscat ma kinitx illibellatu meta kienet xandret rapport investigattiv fit-Times of Malta dwar xogħlijiet li kienu saru f’proprjetà tiegħu. Sentenza tal-Qorti tal-Appell għandha tkun waħda aħħarija, iżda r-raġel ta’ Helena Dalli ma jridx iċedi u llum ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-gvern li minnu martu tagħmel parti x’aktarx bħala preludju ta’ kawża li ser jagħmel kontra l-Istat.

Din hi ħaġa tassew stramba. Tkellimt ma’ diversi avukati li jaħdmu fil-qasam tal-libelli u ħadd minnhom ma jiftakar li qatt seħħet ħaġa bħal din. Ilhom minn żmien żemżem isiru kawżi fil-qorti kontra ġurnalisti minn persuni politiċi u ħafna drabi min jitlef jittanta xortih fil-Qorti tal-Appell. U meta tingħata sentenza mill-Qorti tal-Appell, din tkun l-aħħar kelma u l-kwistjoni tintemm f’dak l-istadju. Patrick Dalli jista’ forsi jgħid li m’hemm xejn li legalment jista’ jżommu milli jippreżenta protest ġudizzjarju u li jittanta xortih permezz ta’ kawża għad-danni jew forsi permezz ta’ kawża Kostituzzjonali. M’hemm xejn xi jżommu milli joqgħod jinfexx – kif naqbad insejħilhom? – f’sensiela ta’ tattiċi proċedurali kreattivi.

Iżda hawn mhux qed nittrattaw dwar il-vizzju litiġjuż ta’ xi kuntrattur li ma jkunx jista’ jġerraħ li iħalli lil ħaddieħor ilissen l-aħħar kelma. Għaliex il-qofol ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Appell ikompli jirrifletti fuq din il-manuvra tal- koppja Dalli. L-ewwel qorti kienet ikkundannat lil Caroline Muscat tħallas danni ta’ €10,000 lil Patrick Dalli għax irraġunat li dan huwa ċittadin privat u għaldaqstant ma kellux jixxandar rapport investigattiv dwar ġidu.

Il-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ dan ir-raġunar u sostniet li l-politiċi huma suġġetti għall-iskrutinju mill-mezzi tax-xandir ta’ livell ogħla minn normal għaliex dawn għandhom aċċess liberu għas-setgħa u għall-influwenza li din iġġib magħha li politiku jista’ jgawdi minnha personalment. Il-mezzi tax-xandir qegħdin hemm biex igħassu kontra l-abbużi tal-politiċi u bis-saħħa t’hekk il-ħajja pubblika u d-demokrazija jkunu jistgħu jibqgħu jiffunzjonaw. Wieħed jiżbalja jekk jittanta jifred l-interessi personali ta’ persuna politika minn dawk ta’ żewġha, speċjalment meta – bħalma hu l-każ tal-koppja Dalli –  ġidhom huwa miżmum bejniethom bi sħab.

Għaldaqstant jekk l-użu ta’ proprjetà mill-Ministru, il-konformità ta’ dan l-użu mal-liġijiet u l-akkwist ta’ ġid jaqa’ taħt l-iskrutinju tal-ġurnalisti – kif tabilħaqq għandu jkun – dan l-iskrutinju għandu japplika wkoll għall-ġid tar-raġel tal-Ministru għaliex ġid ir-raġel tal-Ministru huwa ġidha wkoll. Fil-protest ġudizzjarju li ppreżenta llum Patrick Dalli qal li jinsab urtat għall-fatt li l-Imħallef tal-Qorti tal-Appell kien għadda osservazzjoni fis-sens li Helena Dalli kienet għamlet sewwa meta ddeċidiet li ma tħarrikx lil Caroline Muscat kif kien għamel żewġha. Skont Patrick Dalli din l-osservazzjoni hi waħda “sarkastika u ċinika”. Lil Anthony Ellul jien ma nafux. Iżda skont diversi avukati li ttrattaw kawżi quddiemu, huwa bniedem li l-orjentazzjoni politika ta’ min jidher quddiemu ma tinteressahx. Madankollu, Patrick Dalli għandu mnejn jara kif ser jibni xi argument dwar l-allegata natura sarkastika tal-osservazzjoni tal-Imħallef dwar Helena Dalli. Jekk Anthony Ellul kien tabilħaqq qed ikun sarkastiku, lil Patrick Dalli kien igħidlu li l-fatt li Patrick Dalli ta (u qed ikompli jagħti) fastidju lil Caroline Muscat minħabba l-ġurnaliżmu tagħha ma jpattix għall-fatt li l-veru fastidju ġej min naħa ta’  Helena Dalli.

Il-protest ġudizzjarju li Patrick Dalli ppreżenta llum huwa pervers daqs dak li kien ippreżenta Konrad Mizzi ftit ġimgħat ilu — u li mbagħad ġie ċedut – li permezz tiegħu huwa ħarrek lill-gvern li minnu jagħmel parti minħabba ksur immaġinarju ta’ drittijiet tal-bniedem. Fil-każ tiegħu, Mizzi ppretenda li m’għandux jaqa’ taħt l-iskrutinju tal-qrati. Fil-każ tiegħu tal-lum, Dalli qed jippretendi li għandu l-jedd li jinjora il-liġijiet tal-ippjanar fejn għandu x’jaqsam il-ġid ta’ martu mingħajr ix-xkiel li jġib miegħu l-irrappurtar tal-ġurnalisti dwar l-imġieba tagħha.

Dawn m’huma xejn ħlief Ministri li jippretendu li l-liġijiet m’għandhomx igħoddu għalihom ukoll. Iżda agħar minn hekk huwa l-fatt li dawn jippretendu li l-liġi għandha tbierek din l-imġieba tagħhom: għall-impunità tagħhom jippretendu l-barka tal-imħallfin. Il-Maġistrat (dalwaqt Imħallef?) Francesco Depasquale lil Patrick Dalli tah il-barka tiegħu. Lil Patrick Dalli, l-Imħallef Anthony Ellul din il-barka ċaħadhielu.

Bħal fil-każ ta’ Konrad Mizzi, issa min jaf x’se jivvinta Peter Grech, li se jkollu jwieġeb għall-protest ta’ Helena Dalli (għax fil-fatt huwa tagħha wkoll) għan-nom tal-klienta tiegħu Helena Dalli (għaliex huwa l-avukat tal-gvern li hi tifforma parti minnu)? Din il-manuvra kienet tkun tad-daħk li kieku warajha m’hemmx it-tir li jkompli jingħafas il-proċess ta’ intimidazzjoni kontra l-ġurnaliżmu ħieles u sabiex jiġi żgurat li dawk l-imħallfin u maġistrati li jażżardaw jiddefendu lill-ġurnalisti jiġu ntimidati huma stess permezz ta’ azzjoni minn naħa tal-gvern (għaliex il-protest ġudizzjarju tal-koppja Dalli m’hi xejn ħlief azzjoni ta’ Ministru u allura tal-gvern stess), u dan sabiex ġurnalisti oħra li m’għandhomx l-istoffa li għandha Caroline Muscat jitnaffru milli jagħmlu skrutinju fuq il-ġid personali ta’ Ministri, ikunu kemm ikunu mċappsin bil-korruzzojoni.

Filwaqt li dawn jippretendu li l-liġijiet għandhom igħoddu għal kulħadd ħlief għalihom, għandhom ukoll l-ardir jippretendu li ma ssirx għassa fuq dak li jkunu qed iħawwdu minn wara dahar kulħadd fil-borma tagħhom.