Stqarrija tal-lum ta’ Repubblika
Ftit siegħat qabel in-nomina ta’ George Vella bħala President ta’ Malta, smajna li l-predeċessur tiegħu Marie Louise Coleiro Preca, issospendiet is-sensiela ta’ laqgħat li kienet qed tmexxi ta’ kumitat magħmul minn rappreżentati nnominati minn Joseph Muscat u Adrian Delia biex imexxu tibdiliet għall-Kostituzzjoni.
Rapporti fl-aħbarijiet taw x’jinftihem li qabel aċċetta n-nomina, George Vella insista li jieħu post Marie Louise Coleiro Preca bħala chairperson tal-kumitat inter-partitiku bħala kundizzjoni biex jaċċetta. Nifhmu li qabel dan, il-President Coleiro Preca kien ħsiebha li tkompli f’dan ir-rwol wara li ċċedi ċ-ċwievet tal-Palazz.
President li jieħu sehem fil-proċess leġislattiv qed joħroġ mir-rwol importanti li għandu.
Aħna nifhmu li l-President il-ġdid jista’ jħoss li minħabba li jkun qed jaħdem biex jintlaħaq qbil bejn il-PL u l-PN, ma jkunx qed joħloq dubji dwar ir-rwol tiegħu ta’ simbolu ta’ u katalist għall-għaqda nazzjonali.
Iżda hi żbaljata l-idea li qbil bejn il-PL u l-PN ifisser minnu nnifsu għaqda nazzjonali. L-idea ġejja mit-tradizzjoni li f’Malta kull fehma, kull idea, kull opinjoni trid bil-fors tkun taqbel jew mal-fehmiet tal-PL jonkella mal-fehmiet tal-PN. U jekk il-PN u l-PL jaqblu, ħadd mhu sejjer ma jaqbilx.
Jekk il-President ta’ Malta jagħti l-appoġġ u l-barka tiegħu għal pożizzjoni tal-partiti politiċi dwar tibdiliet kostituzzjonali, iqiegħed lilu nnifsu f’oppożizzjoni kontra dawk li jistgħu ma jaqblux.
Repubblika ssostni li tibdil kostituzzjonali m’għandux ikun ir-riżultat ta’ dak li jaqblu bejniethom il-partiti wara tpartit wara bibien magħluqa. Jekk jiġri hekk id-demokrazija tagħna tkun f’periklu akbar mill-agħar beżgħat tagħna.
Ir-riforma għandha titmexxa miċ-ċittadini. Il-fehmiet li jafu ma jkunux pariġġ dak li jaqblilhom il-partiti politiċi li jafu jitħassbu dwar il-limitazzjonijiet tal-poter eżekuttiv u tal-ħakma tal-partitokrazija m’għandhomx ikollhom jiffaċċjaw ukoll ir-reżistenza tal-President ta’ Malta li minnu nistennew li ma jidħolx f’kontroversji.
Fis-sottomissjonijiet li għamilna lill-Kumitat ta’ Tmexxijja dwar Riforma Kostituzzjonali, li għaddejnihom qabel kien nominat George Vella, għamilna l-osservazzjoni li Marie Louise Coleiro Preca kienet għadha m’esprimiet ebda fehma dwar xi tibdil speċifiku tal-Kostituzzjoni. Allura kienet għadha ma kkompromettietx ir-rwol tagħha ta’ President ta’ Malta.
Iżda jekk fhimna sew li George Vella bi ħsiebu jmexxi il-proċess li jiddefenixxi r-riforma kostituzzjonali mit-tron Presidenzjali tiegħu, Repubblika tesprimi t-tħassib gravi tagħha li qed naraw lill-partiti politiċi jikkonsolidaw il-poteri tagħhom ikunu x’ikunu l-wegħdi ta’ ħniena ispirata li jagħmlu l-partiti waqt li taparsi jisimgħu minn konsultazzjoni u xorta jimponu minn fuq it-tibdil li jaqblilhom.
George Vella jaf għandu l-intenzjonijiet tajba kollha tad-dinja u nixtiequlu kull suċċess fir-rwol il-ġdid tiegħu. Iżda indipendentement mill-karattru tiegħu, ir-rekord tiegħu, l-affiljazzjoni politika tiegħu u l-ġenwinità tal-intenzjonijiet tiegħu, aħna tassew mħassba mit-theddida ta’ President li waqt li jkun fil-kariga jieħu rwol politiku kontra s-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-liġi bażika ta’ Malta u tar-regoli fundamentali tal-ħajja demokratika Maltija.
Malta mhix Repubblika Presidenzjali u għalkemm b’mod ġenerali kuntenti nħallu l-fehmiet differenti jiżviluppaw qabel ngħidu ma’ liem aspett speċifiku tar-riforma naqblu jew ma naqblux, m’għandna l-ebda xewqa naraw li xi detentur ta’ poter eżekuttiv waħdu jkollu l-qawwa u l-awtorità ta’ President politiku.
U għalhekk li b’enfażi kbira ninkoraġġixxu lill-President jibqa’ barra mid-dibattitu dwar ir-riforma Kostituzzjonali (kif fuq kollox għandu jibqa’ barra minn kull dibattitu politiku jkun xi jkun) u lill-membri li jibqa’ tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar Riforma Kostituzzjonali jikkunsidraw il-proposti tagħna għal proċess ta’ riforma strutturata, miftuħa u mmexxijja miċ-ċittadini.