Stqarrija ta’ Reżistenza:

Ftit jiem ’il bogħod miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-erbgħin sena minn meta pajjiżna akkwista l-Ħelsien mill-ħakkiem kolonjali b’dispjaċir ninnutaw li r-repuazzjoni internazzjonali ta’ Malta u tal-Maltin marret il-baħar.
Isimna sar assoċjat ma’ attivitajiet nieqsa mit-trasparenza u s-serjeta’. Il-Maltin li jkunu involuti f’laqgħat ma’ barranin dan jafuh sew, għaliex ikollhom regolarment isofru l-umiljazzjoni li jqattgħu l-ewwel parti tal-laqgħat tagħhom jisimgħu bil-fatti koroh li pajjiżna sar assoċjat magħhom.
Ir-riżoluzzjoni approvata ilbieraħ mill-Parlament Ewropew hi konferma oħra li Malta f’dawn l-aħħar snin qabdet triq li tpoġġi f’perikolu serju l-ġejjieni tagħna u ta’ uliedna. Il-fatt li persistentement qiegħed jingħad minn istitutuzzjoni internazzjonali wara l-oħra li Malta saret tax haven ipoġġi l-impjiegi fis-settur finanzjarju Malti f’periklu serju. F’dan il-qasam ir-reputazzjoni hi kollox. Ladarba titlifha jaf qatt ma jirnexxilek terġa’ tissanha.
Jekk irridu li noħorġu mill-isqaq li dħalna fih, huwa essenzjali li l-ewwel u qabel xejn tingħalaq b’effett immedjat l-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza. Tali skema m’hi xejn għajr att ta’ pitaterija, għaliex ilkoll nafu li dak li l-miljunarji barranin qed iħallsu għalih m’huwiex il-passaport Malti iżda l-passaport tal-Unjoni Ewropeja.
Jeħtieġ li f’Malta tiġi ripristinata s-Saltna tad-Dritt, l-imparzjalita’ tal-Ġudikatura, id-diċenza fl-operat ta’ l-istituzzjonijiet u li min ordna l-qtil tal-ġurnalista Daphna Caruana Galizia jinqabad u jitrressaq quddiem il-ġustizzja bla aktar tkaxkir tas-saqajn.
Taħt Joseph Muscat ħadna l-fama ta’ briganti, ta’ nies li ngħawġu r-regoli għax naħsbu li aħna aktar makakki mill-ġirien tagħna. Joseph Muscat qiegħed jilludina li sirna aktar sinjuri. Fl-verita’ qiegħed ibiegħ il-futur ta’ uliedna biex jistgħanaw il-ftit tal-qalba. Minflok ħakkiem barrani sibna ruħna maħkuma minn ftit minn fostna li qed jappellaw għall-agħar istinti tal-bniedem, għall-individwaliżmu u r-rgħiba.