Stqarrija ta’ Repubblika:

Repubblika ssottometiet rakkomandazzjonijiet bil-miktub lill-President ta’ Malta u l-Kumitat ta’ Tmexxija dwar Riforma Kostituzzjonali dwar il-proċess li għandu jitħaddem biex jiġu kkunsidrati u approvati tibdiliet Kostituzzjonali.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludi informazzjoni fil-qosor dwar studji tal-każ t’inizjattivi kostituzzjonali li rnexxew jew li fallew f’pajjiżi oħra li jagħtu tagħlimiet li għandhom jinfurmaw id-disinn tal-proċess għall-inizjattiva ta’ riforma f’Malta.

M’hemmx dubju li jkun tajjeb li jkollna riforma Kostituzzjonali. Iżda r-riformi li jkunu imposti minn fuq, ikkontrollati mill-politiċi u li jkunu frott ta’ tpartit bejn il-partiti politiċi li jiftehmu wara bibien magħluqa, u li jiddaħħlu mingħajr ma jinkludu liċ-ċittadini jew inkella b’vot wara kampanji popolisti, ikollhom ir-riżultat li jikkonċentraw il-poter f’idejn l-eżekuttiv minflok itejjbu l-ħidma tad-demokrazija.

Min-naħa l-oħra, riforma mmexxijja miċ-ċittadini li tkun inklussiva u parteċipattiva għandha l-potenzjal li ġġedded id-demokrazija ta’ Malta u tħalli b’wirt qafas istituzzjonali ħaj li jista’ jħares id-drittijiet u l-interessi ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u jipproteġi l-ambjent mibini u naturali tagħna.

Ħassejna l-bżonn li nħejju dawn ir-rakkomandazzjonijiet wara li ltqajna mal-Kumitat ta’ Tmexxijja. F’dik il-laqgħa ntqalilna li l-partiti jippreferi jiddiskutu b’mod privat mingħajr l-iskrutinju tal-midja, u għalkemm kellhom l-intenzjoni li jikkonsultaw l-Għaqdiet Mhux Governattivi dawn il-konsultazzjonijiet jimxu f’direzzjoni waħda — lejn il-partiti — mingħajr diskussjoni pubblika. Il-Kumitat kien ukoll ambigwu dwar il-pjanijiet għall-informazzjoni lill-komunita’, u tkellem f’termini ġenerali dwar “kampanja edukattiva” mingħajr pjanijiet preċiżi dwar kif għandu jkun hemm djalogu pubbliku u parteċipazzjoni fl-istadji t’abbozzar u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Fuq kollox il-Kumitat ta’ Tmexxijja jidher li għandu l-għan li jservi tal-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-partiti politiċi qabel dawn jadottawhom fil-Parlament f’eżerċizzju li jkun purament formalita’.

Ir-riskji ta’ dan il-metodu impost minn fuq għas-saħħa tad-demokrazija tagħha — fraġli kif inhi — mhumiex aċċettabbli.

Qed nippubblikaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħna fil-verżjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż.

Id-dokument jipprovdi numru ta’ prinċipji bażiċi li għandhom jitqiesu bħala gwida għall-proċess ta’ riform:

  • Il-Kostituzzjoni għandha tkun emendata, mhux sostitwita.
  • It-tibdiliet fil-Kostituzzjoni għandhom isir f’fażijiet separati skond temi distinti, mhux f’pakkett f’daqqa.
  • It-tibdiliet li weħidhom jistgħu jżidu l-poteri tal-eżekuttiv għandhom jiddaħħlu fl-istess ħin li jiddaħħlu tibdiliet li jillimitawhom.
  • Il-proċess t’abbozzar għandu jkun trasparenti.
  • Kull bidla proposta għandha tiġi evalwata fuq il-bażi kemm ta’ raġunijiet favuriha kif ukoll raġunijiet kontra li tiġi adottata.
  • Ir-riforma Kostituzzjonali mhix limitata bil-ħin.

Waqt li nirrikonoxxu r-rwol kruċjali tal-Parlament u tal-partiti politiċi fl-istadju meta tkun adottata t-tibdila Kostituzzjonali, id-dokument tagħna jidħol ukoll fir-rwoli li għandu jkollhom istituzzjonijiet oħrajn, il-korpi kostitwiti, is-settur mhux governattiv, esperti u ċ-ċittadini jekk dan il-proċess għandu jkun ta’ benefiċċju, minflok ta’ theddida, għad-demokrazija ta’ Malta.

Qed nipproponu li jinħolqu 5 organi biex jiddjalogaw fl-istadju tal-abbozzar tat-tibdiliet Kostituzzjonali biex tkun assigurata parteċipazzjoni adegwata fil-ħsieb u fid-diskussjoni dwar ideat li eventwalment jistgħu jispiċċaq inkorporati fil-liġi bażika Maltija.

Dawn huma:

  • Grupp ta’ Ħidma Parlamentari magħmul mill-partiti politiċi fil-Parlament u mmexxijja minn Medjatur li jafdaw kollha fuq il-mudell tal-Kumitat ta’ Tmexxijja eżistenti;
  • Forum t’Esperti li jiġbor fih esperti fit-teorija u nies li professjonalment jipprattikaw f’oqsma rilevanti: avukati, imma wkoll xjenzati tal-politika, antropologi, storiċi, eċċ; kif ukoll ex-Parlamentari, imħallfin, uffiċjali pubbliċi u oħrajn bħalhom.
  • Grupp Rappreżentattiv tas-Soċjeta’ Ċivili mibni fuq il-mudell tal-Malta-EU Steering and Action Committee biex joħloq ambjent ta’ skambju struttura ta’ informazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet mas-soċjeta’ ċivili.
  • Ġurija taċ-Ċittadini magħżula kif jintgħażlu l-ġurati fil-Qrati.
  • Kumitat t’Amministrazzjoni tar-Riforma b’esperjenza minn istituzzjonijiet differenti biex imexxi d-djalogu bejn dawn l-organi.

Il-Ġurija taċ-Ċittadini hi mibnija fuq esperjenzi fl-Irlanda u l-Iżlanda. L-idea hi li dawk li jippromwovu xi riforma jkollhom jipperswadu f’forum miftuħ nies li qatt ma kellhom l-ambizzjoni li jużaw il-poteri li Kostituzzjoni riformata tagħti lil uffiċjali, iżda li bħal kulħadd se jkunu iggvernati min-nies b’dawk il-poteri.

Fil-fehma tagħna, il-Grupp ta’ Ħidma Parlamentari, waqt li jfittex qbil bejn il-Partiti dwar x’jista’ jikseb l-approvazzjoni ta’ żewġ-terzi tal-Parlament, għandu jfittex il-fehmiet ta’ l-esperti u tas-soċjeta’ ċivili. Dan id-djalogu għandu jkun trasparenti u miftuħ għall-iskrutinju tal-midja u tal-pubbliku. Id-dibattiti għandhom jixxandru direttament u jinżamm rekord tagħhom, u n-nies b’fehmiet differenti u kuntrastanti għandhom jingħataw l-ispazju biex jirrakkomandaw alternattivi u li jesprimu nuqqas ta’ qbil pubblikament u fuq ir-rekord pubbliku.

Meta l-partiti jaqblu bejniethom dwar sett koerenti ta’ proposti dwar xi aspett wieħed tar-riforma, imorru jargumentaw favur dawk il-proposti quddiem il-Ġurija taċ-Ċittadini li tisma’ wkoll l-argumenti kontra t-tibdil propost li tiġbor il-fehmiet li ma qablux waqt id-diskussjonijiet.

L-approvazzjoni tal-Ġurija taċ-Ċittadini għandha tagħti gwida lill-Parlamentari fid-deċiżjonijiet tagħhom u kif jivvutaw. Fi kwalunkwe każ il-vot fil-Parlament għandu jkun ħieles mill-whip tal-partiti tagħhom.

Id-dokument tagħna jirrakkomanda wkoll użu kawt tar-referenda u jipproponi numru ta’ miżuri biex ikun evitat populiżmu li jhedded id-demokrazija b’ħabi wara vot popolari.

Repubblika tirrakkomanda li jingħataw fondi apposta lill-midja indipendenti biex ikun assigurat li din ikollha r-riżorsi li għandha bżonn biex tgħasses b’mod indipendenti dak li jkun qed jiġri, b’kuntrat mal-midja tal-partiti li għandhom il-funzjoni li jservu l-interessi partiġġjani tas-sidien tagħhom li għandhom interess dirett dwar l-eżitu ta’ riforma Kostituzzjoni.

Qed intellgħu id-dokument kollu fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook ((https://www.facebook.com/repubblika) bl-Ingliż u bil-Malti. Kull suġġeriment hu milqugħ.

Hawn id-dokument kollu:

MT Constitutional Reform Procedure Memo-2