Għal darb’oħra Joseph Muscat qabbad lil ta’ taħtu biex iħaqquha mal-ġurnalisti, din id-darba ġurnalisti ta’ El Pais, u biex jippruvaw jikkonvinċuhom li qed jagħmlu sewwa meta jixkupaw ix-xemgħat u l-fjuri li qed jitħallew ma’ mafkar fil-Belt Valletta kemm ilha li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia.

El Pais irrappurtat li “skont kelliem, il-problema tikkonsisti fil-fatt li x-xemgħat u l-kartelluni qed jitqiegħdu ma’ mafkar li huwa dedikat lill-Assedju l-Kbir ta’ Malta u li bosta nies kienu qed iħossuhom offiżi.”

Fi bnadi oħra fl-Ewropa li fihom isiru ċerimonji simili minn nies li jkun qed jeżiġu l-ġustizzja għall-ġurnalisti, ma tismax argumenti bħal dawn li jfakkruk fi żmien il-purtiera tal-ħadid.

Illum wara nofsinhar, persuna bgħatitli dan ir-ritratt li juri protesta li saret fi Bratislava dwar il-qtil ta’ Jan Kuciak u tas-sieħba tiegħu Martina Kusnirova.

Ħadd ma tfantas bil-preżenza ta’ tant nies jipprotestaw u ma kien hemm ebda kelliem tal-gvern jipprova jiġġustifika mal-ġurnalisti għala protesti bħal dawn ma jitħallewx isiru.

Hawn qed taraw ritratt li nġibed ftit jiem ilu ta’ mafkar lill-eroj tal-gwerra l-Ġeneral Jean-Baptiste Kleber fi Strasbourg li qed jintuża minn persuni biex ifakkru u jipprotestaw kontra l-attakki li seħħew f’Diċembru li għadda. Ħadd ma ħa għalih talli mafkar fl-akbar pjazza pubblika f’ din il-belt issa qed jintuża wkoll biex titfakkar ġrajja li mhix marbuta strettament mal-persuna li għalih il-mafkar huwa dedikat.

Ma kien jeħtieġ ebda kelliem tal-gvern biex jispjega għaliex jitneħħa kollox kuljum bil-lejl. Ħaġa bħal din ma ssirx fl-Ewropa.