John Philips, korrispondent veteran f’Ruma għal ġurnali Britanniċi li llum jikteb fil-ġurnal bl-Ingliż imxandar fl-Italja The Italian Insider kien f’Malta fi tmiem il-ġimgħa biex jirrapporta dwar il-velja li saret biex jitfakkar is-17 il-xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Idħlu fil-link għall-artiklu tiegħu.

Aqraw x’kiteb hawn: “Bis-saħħa ta’ azzjoni li tixbaħ dak li kienu jagħmlu r-reġimi totalitarji Komunisti u Nażisti tal-imgħoddi, kull xahar bil-lejl il-ħaddiema tal-iskart fil-belt ineħħu fjuri u xemgħat minn mal-mafkar lil Daphne ftit sigħat wara li dawn ikunu tqiegħdu minn diversi ċittadini. Il-mexxejja tal-gżira jgħidu li dawn it-tifkiriet sempliċi ‘iniġġżu lill-ambjent’ f’Malta, stqarrija li hi tassew tad-daħk meta wieħed jiftakar fl-ispekulazzjoni tal-bini li qed issir bil-barka tal-gvern u li qegħda teqred il-kampanja fil-gżejjer Maltin”.

Kellu żball żgħir. Dan ħaseb li l-ħaddiema tal-iskart ineħħu l-fjuri u x-xemgħat kull xahar u kiteb li dan ifakkru fl-azzjonijiet tar-reġimi totalitarji Komunisti u Nażisti tal-imgħoddi.

Tistgħu timmaġinaw x’tbissima jkollu fuq wiċċu hu u jintebaħ li t-tneħħija tat-tifkiriet isseħħ kuljum għal diversi drabi.