Waqt li kien qed iħejji biex jiftaħ il-Pilatus Bank f’Malta, Ali Sadr Hasheminejad kien ta struzzjonijiet lill-ħaddiema tiegħu biex jassiguraw li n-nisel Iranjan tiegħu u r-rabtiet li għandu mal-Iran jibqgħu misturin. Dan kollu jirriżulta minn e-mails li Ali Sadr kien bgħat mill-kont personali Gmail li ġew f’idejn investigaturi Amerikani waqt li kienu qed jinvestigaw lil Ali Sadr.
L-istruzzjonijiet espliċiti ta’ Ali Sadr biex jostor in-nisel tiegħu u informazzjoni oħra dwaru jidhru f’evidenza li pproduċew l-avukati difensuri ta’ Ali Sadr li qed isostnu li l-investigaturi kienu ġabru ħafna aktar informazzjoni milli kien meħtieġ għall-investigazzjoni tagħhom.
F’e-mail li kien bgħat lil Linet Estiroti, Ali Sadr kiteb li “l-bank il-ġdid jeħtieġ li jkollu kontijiet bankarji” sabiex il-Pilatus Bank ikun jista’ jitwaqqaf f’Malta. “Ħadd m’għandu jsemmi r-rabtiet li għandi mal-Iran biex b’hekk inkun nista’ nidher bħala sid il-Pilatus u tal-bank f’Malta”.
Permezz ta’ affidavit, l-investigaturi qalu li Ali Sadr, flimkien ma’ Robert Klingensmith u Mustafa Cetinel kienu lkoll diretturi mal-Pilatus Bank f’Malta u lkoll kellhom x’jaqsmu mal-ksur tas-sanzjonijiet li dwarhom Ali Sadr ser igħaddi ġuri.
Sabiex jostor in-nisel tiegħu, Ali Sadr Hasheminejad għamel użu minn identitajiet li kienu pprovdewlu ta’ Henley & Partners, l-imħuħ wara l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin. Ali Sadr kellu f’idejh diversi passaporti ta’ St. Kitts and Nevis li kellhom dati tat-twelid differenti, u dan x’aktarx biex seta’ jostor in-nisel tiegħu b’aktar faċilità.
Christian Kaelin, sid Henley & Partners, ma setax ma kienx jaf bin-nisel veru ta’ Ali Sadr. Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat li Kaelin u martu kienu stiednu lil Ali Sadr u lil martu għall-festin li kienu għamlu fl-Isvizzera biex ifakkru l-20 anniversarju taż-żwieġ tagħhom “u dan juri li r-relazzjoni ta’ bejniethom ma kinitx biss waħda ta’ natura professjonali.”
Lil Ali Sadr, Joseph Muscat u Keith Schembri kienu jafuh ukoll mill-qrib u fl-2015 kienu attendew għat-tieġ tiegħu f’Firenze.