Tal-Greco llum se jgħidu lill-gvern li l-kunflitti ta’ interess u l-imgħoddi mimli dellijiet tal-persuni li huwa ħatar, it-tnejn ingħataw il-ġenb biex b’hekk ikun jista’ jserraħ rasu li l-aġenziji pubbliċi jitmexxew minn bażużli li xogħolhom hu biss dak li jservu l-interessi korrotti ta’ Joseph Muscat. U l-gvern ma damx biex, għal darb’oħra, ta raġun lil tal-Greco bħallikieku dawn ma kinux diġà ġabru biżżejjed provi biex inevitabilment jikkonkludu li Malta hi Stat tal-Korruzzjoni.
Il-ħarġa tal-lum tat-Times of Malta hi waħda tan-niket: jew forsi kienet tkun waħda tal-biki li kieku l-istorja li xxandret ma kinitx ukoll waħda li bħalha ġrat spiss mill-2013 ‘l hawn. Fil-liġi li bis-saħħa taghħa twaqqfet il-Valletta Cultural Agency, il-gvern daħħal klawsola li tippermettilu jagħmel ħatriet minkejja l-kunflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm u dan biex seta’ jaqdi lil Jason Micallef – impjegat tal-Partit Laburista – u jaħtru biex imexxi l-Aġenzija. Il-liġijiet dawn ifassluhom apposta biex jiksru l-prinċipji fundamentali tad-diċenza fl-amministrazzjoni pubblika. L-aġenziji joħolquhom biex jimminaw it-tmexxija demokratika. Il-korruzzjoni jirrenduha f’istituzzjoni u jġiegħlu lill-poplu jħallas is-salarju ta’ bażużli li l-għan tagħhom hu biss li jaqdu l-interessi korrotti ta’ Joseph Muscat.
Jason Micallef – dak li ġie kundannat u mwarrab mill-komunità kulturali Ewropea wara li din intebħet b’dak li aħna konna ilna nafu bih: li huwa nofs porzjon ta’ bniedem minfuħ bih innifsu li bilkemm jaf jikteb ismu u li m’għandux l-iċken idea dwar it-tifsira vera tal-arti, tat-teatru u tal-mużika. Għal bniedem bħal dan, il-liġijiet jitfasslu biex ikun jista’ jinqeda’ hu u biex ikun jista’ joħroġ bl-aktar avveniment “Kapitali tal-Kultura” ta’ livell baxx li qatt kien hawn.
Illum hemm ukoll storja oħra mxandra fit-Times of Malta dwar il-ħatra ta’ Charles Camilleri biex imexxi l-Awtorità tal-Artijiet. Dan il-maħtur m’huwa ħadd ħlief il-veteran tal-iskandlu Gaffarena: dan diġà huwa mċappas u allura ta’ fuqu jistgħu jagħmlu pressjoni fuqu u jirrikattawh kemm iridu biex b’hekk iġiegħeluh jagħlaq għajnejh u jgħadduha lixxa kull darba li dawn jiżgarraw.
Michelle Muscat – oħra li ma tagħmilx għajb lil Jason Micallef għall-vujtaġni tagħha – il-bieraħ ċanfet lil dawk il-mezzi tax-xandir li jagħżlu li ma jilgħaqux il-pett taż-żarbun tagħha. Din l-Imelda Marcos Maltija wissietna biex ma nkunux negattivi u biex ma nibqgħux naqdu l-aġenda “ta’ dawk li jmexxuna”. Qaltilna li għandha lawrja fil-komunikazzjoni u allura “taf x’inhi tgħid”. X’inhi din? Jien ukoll illawrjat fil-komunikazzjoni iżda b’dak li qalet ma mpressjonatni xejn. M’għandi bżonn ebda mexxej biex igħidli li meta żewġha jaħtar lil Jason Micallef f’xi kariga għolja, ħatra bħal din m’għandha assolutament xejn pożittiv fiha.
Fil-frattemp, tista’ forsi tagħmel użu mill-ħiliet li akkwistat bil-lawrja li għandha u titħajjar iżżur il-website tal-Kunsill tal-Ewropa u tniżżel minnu kopja tar-rapport Greco. Nassiguraha li m’hi se ssib xejn pożittiv dwar dan ir-rapport.
B’Michelle Muscat u b’Jason Micallef verament għandna biex inkunu kburin.