Stqarrija ta’ Repubblika

 

REAZZJONI GĦAR-RAPPORT GRECO

 

Illum qrajna ir-rapport tal-Grupp ta’ Stati Ewropej kontra l-korruzzjoni.

Malta ilha f’dan il-Grupp għoxrin sena u saru 4 rapporti oħra qabel dan. Dejjem kien hemm pariri kif l-affarijiet jistgħu jittejbu iżda GRECO qatt ma sabet l-istat kompletament korrott u mafjuż li sabu f’Malta din id-darba. Qatt ma kien hemm bżonn lista daqshekk twila ta’ rakkomandazzjonijiet biex Malta ssir tixbaħ demokrazija.

Ir-rapport għandu konklużjoni ċara: il-gvern ta’ Joseph Muscat sab u sfrutta kull difett fis-sistemi legali li wiret b’nepotiżmu sistematiku, b’favoritiżmu ma’ tal-qalba u b’metodi li għalkemm mhux neċessarjament jiksru l-kelma tal-liġi, jiksru kull sens ta’ etika u kull intenzjoni fl-ispirtu tal-liġi.

Il-gvern ta’ Joseph Muscat kaxkar saqajh, ostakola sistematikament b’kull skuża immaġinabbli l-libertà tal-informazzjoni u pproteġa lill-korrotti billi poġġihom f’ħatriet t’awtorità minkejja kunflitti t’interess jew rekord ta’ korruzzjoni.

 

Joseph Muscat ostakola il-ġustizzja u ma ħallhiex li jsir ħaqq mill-korrotti li ħakmu pajjiżna u ħatar puppazzi fuq l-awtoritajiet li suppost irażżnu u jħarrku l-korruzzjoni.

GRECO ipproduċew dokument li jiddiskrivi sistema korrotta u mafjuża li ħakmet lil Malta u li ma kinixt teżisti qabel Joseph Muscat.

GRECO jikkonfermaw li dan hu gvern li mhux biss ma jridx jindirizza l-korruzzjoni imma hu gvern li qed juża l-istituzzjonijiet għoljin biex jipproteġi l-korruzzjoni billi jaħtar nies li suppost għandhom l-għodda fil-liġi biex jiġġieldu l-korruzzjoni imma intenzjonalment ma jużawhomx.

Ir-rapport GRECO irid jitqies fil-kuntest tar-rapporti l-oħra mill-Kunsill tal-Ewropa li tħejjew jew qed jitħejjew.

L-aġġornament ta’ Moneyval qed isib li minkejja l-liġijiet tajbin li għandha, Malta mhix tiġġieled il-ħasil tal-flus.

Ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja sab li minkejja li d-demokrazija ta’ Malta Indipendenti għandha aktar minn ħamsin sena, dan il-gvern sab it-toqob kollha fiha u llum m’għadekx tista’ tgħid li Malta għandha demokrazija li tiffunzjona.

Ir-rapport GRECO iwieġeb bl-aktar mod espliċitu lill-gvern li jġib l-iskuża li d-difetti fil-liġi werithom. Mill-ewwel paragrafu tiegħu, ir-rapport jgħid ċar u tond li Malta fuq il-karta hi armata sew b’liġijiet u istituzzjonijiet biex tiġġieled il-korruzzjoni. Iżda hu dak li ġara fl-aħħar ftit snin li wera li Malta saret Stat ta’ korruzzjoni lampanti.

Nirreferukom għal xi osservazzjonijiet mir-rapport GRECO:

Paragrafu 102: Il-Pulizija ta’ Malta weħidha għandha l-kompetenza li tinvestiga u tħarrek ‘il-kriminali. Imma l-Pulizija hi taħt il-ħakma tal-politiċi u kollox jiddependi minn kemm ikun fuq ruħu l-Kummissarju. Ma jiġri xejn fejn hemm politiċi suspettati b’reat u GRECO sabet li l-Pulizija irrifjutat li minn jhedda tiftaħ każijiet fuq il-Panama Papers u rivelazzjonijiet oħrajn. GRECO issib li dan hu agħar meta wieħed jara kemm hu fjakk l-FIAU.

Paragrafu 103: F’pajjiżi oħra l-istituzzjonijiet kienu jaġixxu mingħajr ma jistennew il-permess ta’ ħadd fuq it-tip ta’ kontroversji li kien hawn Malta fl-aħħar snin bħal fil-każ ta’ l-Egrant u tal-kumpaniji l-oħra fil-Panama, l-iskandlu 17 Black u skandli relatati oħra.

GRECO tirrespinġi l-iskuża tal-Pulizija, ta’ xi Maġistrati Maltin u tal-Qorti tal-Appell Kriminali Maltija li biex il-Pulizija tinvestiga irid l-ewwel ikollha f’idejha l-provi. GRECO jgħidu li l-unika raġuni li għaliha saret investigazzjoni fuq Egrant kienet għax talabha l-Prim Ministru li hu stess kien suspettat li wettaq reat. Sakemm talabha hu l-ebda istituzzjoni tal-pajjiż ma ċċaqqalqet biex tinvestiga suspetti serji ta’ reat kriminali, sempliċiment għax is-suspettat kien persuna fil-poter.

GRECO jfakkru li l-Kodiċi Kriminali tagħna stess jagħmila ċara li hu xogħol il-Maġistrat f’inkjesta, mhux xogħol minn japplika li ssir l-inkjesta, li jiġbor il-provi.

GRECO hawn bl-aktar mod ċar qed juru li d-deċiżjonijiet tal-Pulizija immexxijja minn Lawrence Cutajar, u tal-Qorti tal-Appell Kriminali ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, abbandunaw il-prinċipji tal-liġi Maltija stess biex jipproteġu politiċi korrotti.

Paragrafu 107: GRECO josservaw li minkejja l-evidenza kollha fil-pubbliku li ilha magħrufa mill-anqas tlett snin, l-allegazzjonijiet kontra persuni fil-poter f’Malta — Joseph Muscat, Michelle Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u oħrajn — baqgħu mhux investigati ħlief meta kien is-suspettat kriminal stess — Joseph Muscat f’dan il-każ — li talab li ssir inkjesta biex jinħasel ismu.

Dan — u qed nikkwotaw kelma b’kelma — “jagħti l-idea li l-uffiċċjali għoljin tal-gvern ta’ Malta igawdu minn impunità totali għall-azzjonijiet tagħhom. Dan hu ta’ inkwiet għall-GRECO.”

GRECO jantiċipaw li l-Kummissarju ġdid dwar l-Istandards se jkun inutli daqs kemm kienet inutli l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.

Ikkummentaw li l-ħatriet ta’ mijiet ta’ hekk imsejjħa persons of trust mhix biss lil’hinn mir-raġuni. GRECO jissusspettaw li din hi wkoll att ta’ korruzzjoni. Isaqsu kif jista’ jkun li xi ħadd bid-dellijiet tqal ta’ John Dalli jista’ jsib ruħu konsulent tal-Gvern.

GRECO jfakkru l-passività tal-gvern wara Swiss Leaks u wara Panama Papers, il-flejjes żejda li jonfoq il-gvern biex jixtri l-enerġijab’mod korrott, il-mod korrott li bih inbiegħu l-isptarijiet lill-VGH, il-mod korrott li bih ngħatat art pubblika bix-xejn lid-donaturi tal-Partit Laburista u t-tanġenti lil uffiċjali tal-gvern meta jinbiegħu il-passaporti.

U GRECO jfakkru wkoll l-aġir tal-awtoritajiet wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dawn kollha jwasslu għall-fehma informata li Malta hi Stat ta’ korruzzjoni.

Hemm aktar dettalji li ninkorraġukom tistħarrġu fir-rapport GRECO għax hu importanti li l-pubbliku jkun infurmat bihom.

Hu ċar daqs il-kristall li l-kollass istituzzjonali ta’ Malta beda dak inhar f’Marzu 2013 meta beda jitwettaq il-pjan korrott meta Karl Cini ta’ Nexia BT informa lil Mossack Fonseca fil-Panama li kellhom jassenjaw tlett kumpaniji sigrieti: waħda lil Keith Schembri, waħda lil Konrad Mizzi u waħda lit-tielet persuna f’din il-konġura kriminali.

Minn dak inhar ‘l hawn, therrew l-istituzzjonijiet kollha li kellhom jinvestigaw il-bidu ta’ dik il-konġura biex jitwettaq reat. Minn dak inhar iżżarmat id-demokrazija tagħna biex tipproteġi lill-kriminali involuti.

Biex Keith Schembri, Konrad Mizzi u s-sid ta’ Egrant ma jkunux arrestati, interrogati u jittieħdu l-passi kontrihom kollha skond il-liġi, Joseph Muscat u l-gvern tiegħu keċċa, appunta, immanipula, ikkontrolla u intimida regolaturi, pulizija, prosekuturi, Maġistrati u Imħallfin.

Dawn il-konklużjonijiet jirrespinġu l-istrateġija tal-gvern li jwieġeb għal dawn ir-rapporti billi jiġri b’emendi fil-liġijiet.

Il-problema mhix il-liġijiet.

Fis-16 t’Ottubru 2017 inqatlet Daphne Caruana Galizia. Fit-23 t’Ottubru 2017, 15-il elf persuna ġew fit-toroq tal-Belt jesiġu li jirreżenjaw Lawrence Cutajar u Peter Grech u jinbidel il-mod kif jintgħażlu s-sostituti tagħhom.

Minn dak inhar ‘l hawn ulied Daphne Caruana Galizia rebħu kawża kostituzzjonali biex jitneħħa r-raġel ta’ Ministru milli jinvestiga min ordna l-qtil t’ommhom. Imma Silvio Valletta għadu jikkontrolla d-Dipartiment li suppost qed jinvestiga lill-Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Peter Grech għadda kopja tal-inkjesta Egrant lil Joseph Muscat qabel hu anqas biss qraha u Owen Bonnici li hu l-Ministru tiegħu qallu li hu l-avukat ta’ Joseph u Michelle Muscat.

Konrad Mizzi u Keith Schembri gidbu li ma kellhomx kumpaniji u trusts f’Panama u New Zealand. Inqabdu u baqgħu hemm. Gidbu li ma kellhomx ftehim biex jitħallsu fil-kumpaniji li ħbew. Inqabdu u baqgħu hemm.

Keith Schembri inqabad jitħallas it-tanġenti fuq il-bejgħ tal-passaporti. Meta gideb biex jiġġustifika għalfejn kellu l-flus f’Pilatus Bank qal li silef il-flus lill-awditur tiegħu Brian Tonna. Brian Tonna baqa’ hemm. Keith Schembri baqa’ hemm.

Il-gvern qata’ ras is-servizz pubbliku, ħatar qrabatu biex jirregolaw il-gaming u l-banek u fetaħ il-bieb għal frodisti bħal Ali Sadr Hashemi Nejad u mafjużi u ‘ndranghetisti li belgħu is-settur tal-gaming. U dan biex ibill munqaru fil-qliegħ illegali.

F’dan il-kuntest ta’ kriminalità organizzata, ta’ soċjetà kriminali u sigrieta bejn politiċi u negozjanti, ta’ omertà minn istituzzjonijiet magħmula minn kodardi jew korrotti, mhux ta’ b’xejn li l-ġurnalista li kienet qed tikxef dan kollu inqatlet f’bomba fl-istil ta’ Cosa Nostra.

Ma jistax ikun li anke r-rapport GRECO jibqa’ għaddej mal-oħrajn qisu ma ġara xejn.

Ir-rapport juri li kellna raġun meta tlabna r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Kellna raġun meta tlabna r-riżenja tal-Avukat Ġenerali. Kellna raġun meta tlabna t-tkeċċijja ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi.

GRECO juru li kellna raġun meta tlabna r-riżenja ta’ Joseph Muscat. F’idejh hi r-responsabbiltà tal-kollass totali tal-infrastruttura kostituzzjonali u legali ta’ pajjiżna.

Imma l-ħtija hi wkoll fuq il-kuxjenza ta’ kull min ħalla dan kollu jibqa’ għaddej.

Dan ir-rapport hu messaġġ ċar lill-Pulizija ta’ Malta, lill-impjegati tal-Avukat Ġenerali, lir-regolaturi, lill-Maġistrati u lill-Imħallfin, lill-Kummissarju għall-Istandards, ‘l-Ombudsman, ‘l-Awditur Ġenerali, lill-ġurnalisti Maltin, lill-akkademiċi u lis-soċjeta’ ċivili, u lill-Oppożizzjoni: il-gvern ta’ Malta ħataf l-istituzzjonijiet biex jistituzzjonalizza l-korruzzjoni.

Imma huma għandhom id-dmir li jiqfulu. Wasal iż-żmien li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.

03.04.2019

Misraħ Kastilja, Il-Belt Valletta