Miktub minn persuna magħrufa minni:
Mhux li kien li kont fiż-żarbun tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar:
Kont nibgħat għal Konrad Mizzi u għal Keith Schembri dakinhar li nkixfu mill-Panama Papers li kienu ħolqu trusts mhux dikjarati u kumpanniji barra minn Malta biex jaħslu l-flus. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont nibgħat għal Karl Cini tan-NexiaBT u nitolbu jispjegali il-għala dawn iż-żewġ persuni tant midħla tal-Prim Ministru kienu talbuh isibilhom bank li kien lest jaċċetta depożiti ta’ miljuni kull sena. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Lil Karl Cini kont nitolbu jgħidli minn kienet dik il-persuna “tant importanti” sid l-Egrant msemmija fl-e-mail. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Karl Cini u Brian Tonna setgħu nħbew wara d-dritt li jżommu l-kunfidenzjalità tal-klijent iżda jien stajt tlabt lill-qorti tordnalhom jgħadduli l-informazzjoni. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont nibgħat għal Maria Efimova dakinhar stess li ġie allegat li kienet rat b’għajnejha dokument li jorbot lill-Prim Ministru mal-kumpannija sigrieta Egrant. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont ninterċetta lil Al Sadr hekk kif deher live fuq it-televiżjoni ħiereġ inkiss inkiss mill-bieb ta’ wara tal-Pilatus Bank jġorr bagalji mimlijin “ħwejjeġ maħmuġin”. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont nieħu passi msejsin fuq ir-rapport dettaljat tal-FIAU li kien ilu fuq l-iskrivanija tiegħi u li kkonkluda li Konrad Mizzi huwa suspettat li ħasel flus maħmuġin u li għandu jiġi investigat. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont niffranka lill-pajjiż sentejn moħlijin fuq l-inkjesta Bugeja li saret b’intenzjoni li ma ssib ebda prova u fil-fatt ma sabet ebda prova iżda li swiet lill-pajjiż 1.4 miljun ewro. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont nirsisti biex insir naf min hu sid l-Egrant. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Kont nibgħat għal Yorgen Fenech dakinhar li tar-Reuters xandru l-kontenut tal-e-mail ta’ Diċembru 2015 li kien bgħat Karl Cini lil bank fid-Dubaj u li fiha kiteb li Hearnville Inc u Tillgate Inc kienu ser jibdew jirċievu bejniethom 300,000 dollaru fix-xahar mingħand 17 Black, kumpannija sigrieta oħra li kienet inħolqot u li kienet irċeviet flejjes ġejjin minn għejjun qrib il-proġett tal-power station il-ġdida. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Jisgħobbini li fil-media soċjali kont ktibt li l-Prim Ministru għandu par bajdiet kbar ġmielhom. Stajt rażżant il-lejaltajiet partiġġjani tiegħi kif titlob l-uniformi li nilbes. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.
Stajt urejt li jien stess għandi par bajdiet. Iżda minn dan kollu bqajt m’għamilt xejn.