Issa wasalna għall-estremità fejn persuna li qed tistenna li tinħatar Maġistrat, jidhrilha li għandha tagħmel eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Iżda jekk int waħda minn dawk li – kemm ilha li feġġet ix-xemx fuq Malta mill-2103 ‘l hawn – fuqek niżlet xita ta’ konsulenzi, tkun trid turi lid-dinja li int timraħ aktar il-bogħod kemm mill-grazzji li jxerred fuqek Chris Cardona kif ukoll mill-konnessjonijiet li jkollok għax tkun iżżewwiġt għand Pawlu Lia.

Araw dan ir-riklam imħallas fuq il-Facebook ta’ Nadine Lia li jirreklama l-uffiċċju tal-gvern li jagħti pariri dwar negozji tal-familja. Dan huwa wieħed biss minn xmara ta’ konsulenzi pubbliċi li waqgħu f’ħoġorha.

Din l-istorja mxandra f’Novembru 2018 f’The Malta Independent on Sunday fiha lista ta’ ħatriet diretti li rċeviet Dr Lia bis-saħħa tal-ħbiberiji ministerjali ta’ ħatinha. Din l-istorja xxandret fiż-żmien li feġġet l-aħbar li x’aktarx kienet ser tinħatar bħala Maġistrat.

Hekk kif Nadine Lia tinħatar bħala Maġistrat, Pawlu Lia se jkompli jservi bħala rappreżentant tal-gvern fuq il-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? Is-sitwazzjoni diġà hi perversa kif inhi. Pawlu Lia huwa l-avukat tal-Partit Laburista u jiddefendi lill-politiċi Laburisti fil-Qorti. Iddefenda lil Chris Cardona dwar l-istorja tal-burdell Acapulco, biex inġib eżempju wieħed.

Maġistrati u Mħallfin li jkunu jridu jaqtgħu sentenzi f’kawżi li jkun ittratta fihom Pawlu Lia jafu li, fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu huma stess ikunu s-suġġett ta’ miżuri imnedija minnu fil-Kummissjoni biex ikunu dixxiplinati. Mill-banda l-oħra, huwa minnu li Pawlu Lia ma jistax jiddeċiedi waħdu. Iżda l-gvern tabilħaqq jeħtieġu dan l-indħil u din il-manipulazzjoni kollha fuq l-indipendenza tal-qrati?

Il-ħatra imminenti ta’ ħtintu, milli jidher turi li l-gvern għadu ma xebgħax.