Permezz tal-Ministri Owen Bonnici, Edward Scicluna u Helena Dalli, il-gvern illum nieda strateġija li permezz tagħha ikun jista’ jasal biex iqarraq dwar dak li nkiteb fir-rapporti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Malta, ikun jista’ jiskreditahom u fl-istess ħin jarahom bħala opportunità biex ikompli jgħaffeġ fuq il-libertajiet demokratiċi f’dan il-pajjiż. Diversi istituzzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni ewlenija Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem ħejjew jew qed iħejju rapporti li l-gvern għamel minn kollox biex iwaqqaf l-ħruġ tagħhom.
Moneyval, li huwa l-kumitat tal-esperti tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta’ miżuri kontra l-ħasil tal-flus, qal li Malta naqset li tilħaq il-livelli internazzjonali mistennija biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u li l-implimentazzjoni tal-liġijiet ma kien effettiv xejn. Il-bieraħ Edward Scicluna lmenta li l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport ixxandru fis-Sunday Times of Malta qabel intemm l-eżerċizzju u qabel il-gvern ingħata l-opportunità li jifli r-rapport, argument li m’hu rilevanti xejn għaliex Malta naqset li tilħaq il-livelli meħtieġa indipendement mill-fehmiet ta’ Edward Scicluna dwar ir-rapport.
Hemm ukoll ir-rapport ta’ grupp ta’ stati fi ħdan il-Kunsill kontra l-korruzzjoni (il-GRECO): rapport li ma xxandarx qabel tlesta u li l-gvern żammu mistur sakemm ħejja tweġiba għalih. Qabel ixxandar ir-rapport, Owen Bonnici il-bieraħ ħareġ bit-tweġiba u ma skantajna xejn b’dak li ntqal. Owen Bonnici qal li d-diżastru li sabu tal-Greco kien kaġun ta’ liġijiet li ilhom fis-seħħ mill-1964 u l-gvern ma jistax jaħti għal dan. M’għandniex xi ngħidu, ma setax igħid ħmerija akbar minn din. Lil Malta, tal-Greco għaddewha mill-għarbiel kull ħames snin, minn ferm qabel dakinhar fl-2013 li Owen Bonnici tfaċċa fix-xena. Minn żmien Lorry Sant ‘l hawn, qatt ma kellna sitwazzjoni ta’ impunità sħiħa u ta’ paraliżi istituzzjonali bħalma għandna llum. B’mod ġenerali, l-liġijiet ġew imfassla sewwa. Iżda m’humiex imfassla b’mod adegwat biex jilqgħu għal gvern li moħħu biss biex jagħti l-kenn lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. U, biex ngħid is-sewwa, ma nafx x’liġijiet jistgħu jiġu mfassla biex jirrimedjaw għal dan.
U mbagħad hemm ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja li kien l-ewwel rapport mit-tliet rapporti li kellhom jixxandru. Il-qerq kien beda’ ftit sigħat biss wara li l-Kunsill tal-Ewropa ordna li jitnieda r-rapport. Il-gvern gideb u qal li tal-Kummissjoni ta’ Venezja kienu ġew hawn għax kien hu li ħareġ bl-idea li dawn jżuru Malta. Dan ma kien minnu xejn u l-gvern għamel ħiltu biex iżomm kollox hekk kif ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, Pieter Omtzigt (il-gvern saħansitra anki l-ħatra ta’ dan ipprova jwaqqaf) kien irrakkomanda li ssir żjara mill-Kummissjoni f’Malta.
Wara li kienu għamlu ħilithom biex iħassru ż-żjara tal-Kummissjoni f’Malta, issa ddeċidew li jippruvaw jirkbu fuq tsunami li tista’ tidfinhom. Iddeċidew li jagħżlu biss dak li jaqblilhom mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u bi ħsiebhom li jgħadduhom bil-għaġġla mill-Parlament mingħajr diskussjoni u dan bil-għan li jiżguraw li l-iskop tat-tibdiliet kif maħsuba mill-istess Kummissjoni ma jintlaħaqx. U se jibdew bl-iktar kwistjoni li tweġġa’ l-qlub. Erbat ijiem wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, tas-soċjetà ċivili talbu għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u għal tibdil fil-metodu dwar kif dan jinħatar. Kif jagħmel is-soltu, il-gvern tgħidx kemm għadda ż-żmien b’din il-proposta u wara għadda biex injora t-talba. Il-Kummissjoni ta’ Venezja kkonfermat li sitwazzjoni bħal din hi waħda assurda. Qatt ma kellna sitwazzjoni li fiha l-Avukat Ġenerali jsib ruħu miżmum milli jmexxi kontra l-klijenti tiegħu, jiġifieri Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Cardona.
Il-gvern issa ntebaħ li ma fadallux għażla ħlief li jidher li taparsi qed jagħmel xi ħaġa u allura ħabbar li tfasslet liġi biex permezz tagħha r-rwol tal-Avukat Ġenerali jinqasam bejn tnejn u biex jinħatar Prosekutur Ġenerali apposta. Hu u jħabbar it-tibdil, Owen Bonnici ma qal xejn dwar il-mod kif ser jinħatar il-Prosekutur u l-bieraħ, fuq mistoqsija ta’ Jacob Borg tat-Times of Malta, żellaq il-konferma li ser ikun Joseph Muscat li jaħtar il-Prosekutur Ġenerali, li jfisser li dan se jkun maħtur minn Kabinett tal-ħallelin. Kif ngħidu bil-Malti, se nibqgħu Ċikku Briku. Mhux hekk biss: minflok avukat anzjan wieħed fiċ-ċirku tas-setgħa “eċċessiva” tal-Prim Ministru (kif sejħitlu l-Kummissjoni ta’ Venezja), ser ikollna tnejn f’każijiet kriminali li jkun imdaħħal fihom il-gvern. Peter Grech kien dgħajjef wisq biex jagħżel bejn il-lealtajiet kunfliġġenti li kellu. U meta jkollna żewġ persuni maħtura mill-Prim Ministru, ikollu kemm ikollu rieda tal-azzar il-Prosekutur, l-avukat tal-gvern ser ikun dejjem hemm biex jiddefendi l-impunità ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Din mhix biss assurdità traġika. Tammonta wkoll għal sabutaġġ kostituzzjonali. Iżda l-iskuża nfantili ta’ Owen Bonnici hi li tal-Kummissjoni ta’ Venezja m’għamlu ebda rakkomandazzjoni speċifika dwar il-mod kif għandu jinħatar il-Prosekutur Ġenerali.
Dalgħodu Helena Dalli kitbet fit-Times of Malta biex tiddefendi lil sħabha u biex tagħmel pressjoni fuq tal-PN biex jiġu mġiegħla jappoġġjaw l-emendi kostituzzjonali proposti mill-gvern. Din kitbet li “tal-Kummissjoni ta’ Venezja ma wrew ebda tħassib dwar liġijiet li tfasslu mill-amministrazzjoni Laburista attwali”. U żgur li ma wriet ebda tħassib! Il-Kummissjoni kienet ixxukkjata u mbellħa bil-mod kif l-amministrazzjoni Laburista attwali wżat il-liġijiet b’mod pervers biex ixxejjen id-demokazija f’Malta. Ma kinux tal-Kummissjoni ta’ Venezja fasslulna l-emendi kostituzzjonali. Dawn għarblu l-problemi u identifikaw il-marda li qed tmarrad lill-pajjiż, iżda mbagħad sta għalina li nsibu l-mezz kif se nirranġaw l-affarijiet u niddrittaw l-imgħawweġ.
Il-gvern, minflok jagħmel dan, qed juża r-rapport biex ikompli jkisser id-demokrazija. Li kieku ma kienx hekk, kif tista’ tiġġustifika dak li qal Edward Scicluna fis-sens li fejn jidħlu l-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus, għandna kollox ward u żahar? Huwa minnu li l-liġijiet tfasslu sewwa. Iżda waqajna f’ħofra fonda għaliex il-gvern ippermetta li dawn il-liġijiet jiġu wżati b’mod li rrenda lil Malta f’gżira tal-furbani.
Il-Kostituzzjoni tal-1964 ma taħti xejn. Jaħtu biss Konrad Mizzi, Keith Schembri, il-Pilatus Bank, Egrant, Electrogas, Yorgen Fenech, Michelle Muscat, Ilham Aliyev, Christian Kaelin, il-bejgħ tal-passaporti, Peter Grech, Lawrence Cutajar, Brian Tonna, Karl Cini, Silvio Valletta, Ian Abdilla u Joseph Muscat.
Dwar dawn tal-Kunsill tal-Ewropa ma jistgħu jagħmlu xejn.