Jekk veru “m’hemmx inkjesta”, m’għandhomx għalfejn jappellaw.
Lill-Qorti Kostituzzjonali, Konrad Mizzi qalilha li d-drittijiet fundamentali tiegħu kienu nkisrulu sempliċement minħabba l-fatt li l-liġi tippermetti lil kull ċittadin, inkluż lilek, iressaq ilment meta huwa jkun twettaq reat kriminali u li permezz tiegħu tintalab li ssir inkjesta.
L-argumenti li qed iġib Konrad Mizzi ma jiswewx karlin. Applikaw l-argumenti tiegħu għal każ li fih ikun inxtered id-demm. Int tmur għand il-Maġistrat biex tirrapporta l-fatt li int rajt qtil iseħħ wara li l-pulizija jkunu naqsu li jemmnuk meta int tmur biex tirrapporta l-każ.
Minn naħa tiegħu, l-Maġistrat jidhirlu li tajtu biżżejjed informazzjoni u jgħaddi biex jiġbor il-provi. Iżda l-persuna li dwarha jkun sar ir-rapport tgħid li d-drittijiet fundamentali tagħha nkisrulha u titlob lill-Maġistrat biex joqgħod lura milli jiġbor il-provi sakemm il-Qorti tiddeċiedi taqbilx miegħek jew le.
Sitwazzjoni mill-aktar redikola. Ilkoll nafu li l-provi, aktar ma jinġabru kmieni u fil-pront, aktar ikollhom valur. Iżda aktar ma jinħela żmien f’kwistjonijiet legali, akbar huwa ċ-ċans għall-kriminal li jispiċċa jgħaddiha lixxa. Aktar ma jtawwlu, ikun akbar iċ-ċans li l-kriminali jaħarbu, li jostru l-provi jew li jagħmlu pressjoni fuq xhieda biex il-proċess li jista’ jikkundannahom jkun mittiefes u mniġġeż.
Min iġib ruħu b’dan il-mod juri li m’huwiex innoċenti. L-aġir ta’ min itawwal u ta’ min jipprova joħloq biżżejjed dubji permezz ta’ paraventi legali, huwa l-aġir tattiku ta’ min huwa ħati: dawn ikunu jafu li imġieba bħal din tista’ twassal biex jgħadduha lixxa.
Konrad Mizzi kien inkwetat li l-Maġistrat Doreen Clarke setgħet taċċetta t-talba ta’ Repubblika u ta’ Simon Busuttil. Fil-fatt hekk għamlet. Iżda l-Gvern il-bieraħ qal li ma kienet aċċettat xejn għaliex Simon Busuttil u Repubblika kienu talbu li ssir inkjesta ġdida iżda l-Maġistrat dehrilha li ma kellux ikun hemm duplikazzjoni ta’ xogħol u ordnat li dawn l-allegazzjonijiet ġodda jitwaħħdu ma’ inkjesta li tinsab għaddejja quddiem Maġistrat oħra.
Għalhekk il-gvern stqarr li inkjesta ġdida m’hemmx.
Il-gvern, m’għandniex xi ngħidu, qal ħmerija grassa.
Jekk huwa kif qed jgħid il-gvern, allura Konrad Mizzi m’għandux għalfejn jissokta bil-kawża li għamel dwar id-drittijiet fundamentali tiegħu u jista’ wkoll iċedi din, kif diġà kien għamel meta f’Jannar li għadda l-Qorti tal-Appell Kriminali ħassret sentenza ta’ Maġistrat ieħor li kien laqa’ talba biex titnieda nkjesta dwar il-Panama Papers.
X’aktarx imissu wkoll iċedi t-talba li għamel lill-Qorti Kostituzzjonali biex din tordna lill-Maġistrat toqgħod lura milli tkompli bl-inkjesta sakemm il-qorti superjuri tiddeċiedi l-punt dwar jekk drittijiet inkisrulux.
Jekk, kif qed jallega l-gvern, ma ġiet ordnata ebda nkjesta fid-digriet li ngħata, il-Qorti Kostituzzjonali m’għandha xejn xi twaqqaf, m’hux hekk?
Hmmm. Iż-żmien jagħtina parir.
F’Ġunju 2017, il-Maġistrat Ian Farrugia kien aċċetta t-talba ta’ Simon Busuttil u kien ordna t-tnedija ta’ inkjesta. Ma kien hemm ebda inkjesta oħra li setgħet titwaħħad ma’ din u għalhekk kellha tinbeda’ nkjesta ġdida. Iżda Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-bqija tal-klikka tal-Panama appellaw minn dak id-digriet u wara 19 il-xahar ta’ dħul u ħruġ fil-qorti, rebħu l-appell permezz ta’ sentenza tal-Imħallef Giovanni Grixti, liema sentenza skantat u bellħet lil kulħadd l-aktar meta dan iddeċieda li l-Panama Papers ma kienu jiswew xejn u li ma jindikawx li kien seħħ reat kriminali.
Issa l-gvern irid ibellagħhielna li l-Qorti ma ordnat it-tnedija ta’ ebda nkjesta, li hi r-raġuni li Keith Schembri mhux ser jiġi mġiegħel jirriżenja minkejja dak li kien stqarr ftit ilu Joseph Muscat fis-sens li jekk tinbeda’ inkjesta dwar Keith Schembri, dan ikollu jwarrab.
Ma nbdietx inkjesta, allura m’għandux għalfejn iwarrab.
Ejjew, għall-grazzja tal-argument, naċċettaw dak li qed igħid il-gvern. Għall-gvern, id-digriet tal-Maġistrat Doreen Clarke kien rebħa għalih u daqqa ta’ ħarta għal Repubblika u Simon Busuttil, u għalhekk m’għandux għalfejn jappella mid-digriet tagħha.
Wara kollox, x’tappella tagħmel minn sentenza li tkun inqatgħet favurik?
Mela Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-bqija tal-ħallelin u kompliċi, ħallu lil dak li qed tgħidu li mhix inkjesta tkompli għaddejja u oqgħodu lura milli tippruvaw tfixklu proċess li għalikom ma jeżistix. Id-digriet tal-Maġistrat tappellawħx.
Hmmm. Iż-żmien se jagħtina parir.