Il-Ministru Owen Bonnici llum qal li se jxandar abbozz ta’ liġi li se jifred ir-rwoli tal-Avukat Ġenerali. Qed igħid li se jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, iżda fir-realtà m’hu ser jagħmel xejn minn dan kollu. Hu u jwarrab il-proposti konkreti li għamlet il-Kummissjoni ta’ Venezja, lil din il-Kummissjoni se jipprova jużaha bħala paraventu biex iżellaq l-implimentazzjoni ta’ riformi li se jaggravaw is-sitwazzjoni u fl-istess waqt jipprova jbellagħha li dak li mhux se jinbidel, se jitjieb.

Terġa’ u tgħid, il-ħjiel li tefgħu s’issa juru li s-sitwazzjoni x’aktarx se ssir ħafna agħar milli hi.

Bħal kull impjegat għoli ieħor fis-servizz ċivili, l-Avukat Ġenerali sal-lum għadu jintagħżel mill-Prim Ministru. Madankollu, minn dejjem kienet il-prassi li kull minn jilħaq Avukat Ġenerali ikun serva bħala assistent jew deputat tal-predeċessur tiegħu.

Bis-saħħa ta’ din is-sistema, ħafna drabi laħqu f’din il-kariga persuni kapaċi u indipendenti li mxew il-quddiem fil-karriera fuq il-mertu tal-kapaċità tagħhom u li ntagħżlu mis-superjuri tagħhom wara li jkunu għaddew minn għarbiel fuq medda ta’ snin.

Din il-prassi dejjem iddistingwiet lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għalkemm, m’għandniex xi ngħidu, organizzazzjoni taf tkun b’saħħitha biss jekk min ikun qed imexxiha jkun bniedem tal-affari tiegħu li ma jittollerax lil min jipprova jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru. Peter Grech, l-Avukat Ġenerali tal-lum, huwa eċċezzjoni mill-aktar lampanti minħabba l-karattru dgħajjef li għandu.

Il-gvern ser juża din l-opportunità b’riżq riforma biex iwarrab mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kull traċċa ta’ indipendenza li huwa mdorri jgawdi s-servizz ċivili. Minflok, se jistieden lil kull min huwa interessat biex japplika (għal żewġ vakanzi) minn fost persuni li mhux neċessarjament ikunu ħadmu ta’ prosekuturi.

Ma ngħatawx wisq dettalji iżda, jekk jerġa’ jiġri bħalma kien ġara’ fl-2016 fir-riformi dwar l-għażla tal-ġudikanti, dan il-“kumitat” se jispiċċa jgħarbel li min hu manifestament ineliġibbli biex il-Prim Ministru jkun jista’ jaħtar lil min irid hu.

Fi kliem ieħor, il-Prim Ministru xorta waħda ser tibqagħlu d-diskrezzjoni li jaħtar lil min irid hu mingħajr ma jkollu x-xkiel li jkollu jissodisfa l-aspettativi raġjonevoli li tinħatar id-Deputat Avukat Ġenerali li, tul il-medda tas-snin, uriet li hi persuna kapaċi.

Dawn it-taparsi riformi ma jissodisfawx dak li pproponiet il-Kummissjoni ta’ Venezja biex titjieb il-governanza u s-saltna tad-dritt f’Malta. Ix-xamma li għandi fil-fatt hi dawn il-miżuri se jitfgħuna aktar lura.

L-Oppożizzjoni se tiġi mistiedna tagħti l-appoġġ tagħha għal dawn it-tibdiliet, għalkemm dawn it-tibdiliet jistgħu jseħħu biha jew mingħajrha. Iżda bil-barka tal-Oppożizzjoni, dawn it-tibdiliet jistgħu jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni biex b’hekk il-liġi suprema ta’ nofs kedda li għandna nkomplu nirranġawha għall-festi. Għax, bħal dak li qallu, dan hu li huwa meħtieġ.

Mill-ħażin se nkompli sejrin għall-agħar.