Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi talbu lill-qorti għal aktar żmien milli soltu jingħata biex iwieġbu għat-talba ta’ Repubblika biex titnieda inkjesta dwar allegata korruzzjoni u ħasil ta’ flejjes maħmuġin b’rabta mal-iskandlu dwar l-isptarijiet.
M’għandniex xi ngħidu, għalkemm it-talbiet li saru fir-rikors li ġie preżentat minn Repubblika sejħulhom bħala “biss spekulazzjoni”, huma lmentaw li r-rapport fih aktar minn 150 paġna b’46 dokument anness. Huma qalu li ser jeħtieġu ħafna aktar żmien biex jeżaminaw il-karti bix-xiljiet li hemm fihom u li r-rikors ta’ Repubblika “jitħoqqlu l-attenzjoni tagħhom kollha”.
Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi lill-qorti qalulha li bħala politiċi, għandhom ħafna x’jagħmlu u li bħalissa għandhom x’jagħmlu aktar mis-soltu u dan minħabba l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet Ewropej u dawk lokali.
Fl-aħħarnett – u b’mod kontradittorju għall-aħħar – it-tliet Ministri qalu li l-kwistjoni dwar l-iskandlu tal-isptarijiet diġà qed tingħata attenzjoni mill-Awditur Ġenerali u li għalhekk l-informazzjoni li hi meħtieġa biex ikunu jistgħu iwieġbu għar-rikors ta’ Repubblika diġà nġabret għall-audit tal-NAO li għadu għaddej.
Mat-talba tagħhom lill-qorti biex jingħataw aktar żmien, huma annettew kopja tat-termini ta’ riferenza tan-NAO dwar l-inkjesta tal-VGH li jġibu d-data ta’ Jannar 2018, jiġifieri 17 il-xahar ilu.
Minkejja l-istqarrija tagħhom fis-sens li l-provi li jeżonerawhom diġà nġabru mill-inkjesta mnedija mill-awditur, li issa ilha għaddejja 17 il-xahar, it-tliet Ministri qalu li jeħtieġu aktar żmien biex jiġbru l-istess informazzjoni biex ikunu f’pożizzjoni li jwieġbu lil Repubblika.
Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi għal estensjoni ta’ xahrejn u fakkrithom li huma stess ammettew li d-dokumentazzjoni kollha li hi meħtieġa kienet “diġà nġabret” u li għalhekk m’għandhomx għalfejn jingħataw aktar żmien biex iwieġbu. Il-Qorti madankollu tathom żmien sat-3 ta’ Ġunju biex jippreżentaw it-tweġiba tagħhom.
M’għandniex xi ngħidu, hemm differenzi sinjifikanti bejn talba għat-tnedija ta’ inkjesta Maġisterjali u t-termini ta’ riferenza ta’ rapport ta’ awditur.
Ippermettuli nsemmi waħda biss.
Rapport ta’ awditur qatt ma jista’ jwassal għal azzjoni kriminali. Iżda dak ntalab minn Repubblika jista’ jwassal għal dan.