Dak li kien investigatur dwar reati kriminali fil-qasam finanzjarju Jonathan Ferris qed jallega li l-Kummissarju tal-Pulizija kiser id-dritt tiegħu li ma jkunx diskriminat meta dan injora l-applikazzjoni tiegħu biex jiġi ri-integrat fil-korp tal-pulizija wara li Ferris kien tkeċċa mill-FIAU. Ferris qed jallega wkoll li ċ-ċaħda oriġinali tat-talba tiegħu biex jiġi sekondat fl-FIAU kienet ukoll diskriminatorja fil-konfront tiegħu.
Jonathan Ferris kien l-ispettur tal-pulizija li kien ġie trasferit lejn l-FIAU meta din l-aġenzija kienet qiegħda tfittex li timpjega magħha investigaturi speċjalizzati li huma kapaċi li jinvestigaw reati kriminali ta’ natura finanzjarja. Waqt il-perijodu tal-probation, kien tkeċċa mill-FIAU mingħajr ma ngħata raġuni.
Din it-tkeċċija kienet seħħet fi żmien li fih inkixfu stejjer dwar il-mod kif tal-FIAU ippruvaw ixejjnu investigazzjonijiet li minnhom kien irriżulta li jeżistu “suspetti raġjonevoli” li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu ħatja ta’ ħasil ta’ flejjes u ta’ reati kriminali finanzjarji oħrajn.
Jonathan Ferris kien ġie mħajjar jingħaqad mal-FIAU minn mal-korp tal-pulizija mid-direttur maniġerjali ta’ dak iż-żmien Manfred Galdes. Manfred Galdes kien irriżenja mill-FIAU ftit żmien wara li kien irriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar. Jingħad li l-Kummissarju Cassar ma kompliex jidħol għax-xogħol għal raġunijiet ta’ saħħa u ftit wara rriżenja hekk kif tal-FIAU għaddewlu rapport li kien igħid li jeżistu suspetti raġjonevoli li Konrad Mizzi ħasel il-flus maħmuġin.
Wara r-riżenja ta’ Manfred Galdes minn mal-FIAU, Jonathan Ferris tkeċċa mill-aġenzija.
Id-dipartiment tal-pulizija baqa’ jinjora l-applikazzjoni tiegħu biex jiġi ri-integrat u dan minkejja l-fatt li l-Kummissarju Lawrence Cutajar lil Jonathan Ferris kien qallu li r-ri-integrazzjoni tiegħu mal-pulizija ma kellhiex tkun problema in vista tal-kapaċità u l-kompetenza li dan kien wera’ fl-impjieg mal-pulizija.
Lill-Qorti Kostituzzjonali Jonathan Ferris llum qalilha li filwaqt li l-applikazzjoni tiegħu għar-ri-integrazzjoni fil-korp tal-pulizija ġiet injorata, mill-2013 ‘l hawn kienu ġew ri-integrati 119 uffiċjal ieħor.
Apparti d-diskriminazzjoni li saret miegħu talli baqa’ ma ġiex ri-integrat, Jonathan Ferris lmenta wkoll li nċaħdulu l-pensjoni tas-servizz u kull prospett ta’ avvanz fil-karriera.
Huwa talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tordna lill-gvern iħallsu kumpens.
L-avukati ta’ Jonathan Ferris huma Andrew Borg Cardona, Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Eve Borg Costanzi.