Stqarrija ta’ Repubblika
Repubblika ftit tal-ħin ilu ippreżentat rikors ġuramentat quddiem il-Maġistrat tal-Għassa tintalab li tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali fl-iskandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-isptar ġenerali t’Għawdex.
Fir-rikors dettaljat tagħha, Repubblika wriet kif il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lil azzjonisti t’ażjenda privata biex tmexxi l-isptarijiet pubbliġi tagħna, meta din ma kellha ebda esperjenza fil-qasamtt mediku u iffangat b’miljuni ta’ ewro minn fondi pubbliċi li ħadd ma jaf x’sar minnhom. L-aġir ta’ dawn it-tlett Ministri jagħti lok għal suspett raġjonevoli li f’dan il-każ seħħew il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, fost delitti oħra mniżżla fir-rikors.
Repubblika talbet li tinfetaħ inkjesta biex jinġabru u jinżammu l-provi dwar dawn id-delitti serji fl-assenza ta’ investigazzjoni mill-awtorità kompetenti li tinvestiga reati suspettati f’Malta: ċioè l-Pulizija.
F’rikors dettaljat ta’ 153 faċċata, Repubblika elenkat il-fatti kollha li huma magħrufa pubblikament dwar kif il-gvern ftiehem fis-sigriet ma’ soċjetà bla ebda esperjenza imkien fid-dinja fit-tmexxija tal-isptarijiet biex taha tlett sptarijiet pubbliċi għal 99 sena f’kuntratt b’valur ta’ €7 biljuni. Dan il-ftehim klandestin sar qabel il-proċess fażull t’offerti pubbliċi.
Meta VGH falliet mill-obbligi tagħha milli tissodisfa r-rekwiżiti tal-kuntratt li kellha mal-gvern, il-gvern Malti ta konċessjonijiet sproporzjonati, ta’ żvantaġġ u spiża kbira għall-erarju pubbliku, u inġusti ma’ kompetituri possibbli li setgħu offrew jew riedu joffru dan is-servizz.
Wara spiża li hi stmata bejn 50 u 100 miljun ewro, VGH tħallew jitrasferixxu l-isptarijiet lil ħaddieħor mingħajr ebda benefiċċju pubbliku iżda preżumibilment bi qliegħ konsiderevoli għalihom, u dan bi ksur sfaccat tal-kuntratt pubbliku li l-Gvern kien ippreżenta fil-Parlament.
Intant hu suspettat ukoll li Ivan Vassallo, propjetarju tas-soċjetà Technoline, ibbenefika mill-privatizzazzjoni korrotta tal-isptarijiet b’kuntratti żvantaġġjużi għar-riżorsi pubbliċi bejn l-isptarijiet u l-kumpanija tiegħu li tforni provvisti mediċi. Repubblika talbet li l-inkjesta maġisterjali tiġbor il-provi dwar din il-materja wkoll.
Il-fatti kollha li huma magħrufa pubblikament dwar l-iskandlu tal-isptarijiet saru magħrufa bil-ħidma ġurnalistika ta’ Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet, u minn The Shift News, Lovin Malta u Times of Malta fost oħrajn.
Minkejja din il-ħidma estensiva ġurnalistika, l-istituzzjonijiet m’għamlux xogħlhom u ma ħadux azzjoni fuq suspetti serji ta’ korruzzjoni u hasil ta’ flus. Minflok il-persuni involuti – partikolarment il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi – żammu l-uffiċji politiċi tagħhom biex jevitaw li jkunu mistħarrġa kriminalment kif titlob il-liġi.
Repubblika għalhekk qed tuża t-triq li tippermettila l-liġi li tieħu inizjattiva ċivili u titlob hi stess direttament lill-Maġistrat biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali.
Dan ma jserraħx lill-Pulizija mill-obbligi tagħhom li jinvestigaw suspetti serji ta’ reati anke meta dawn ikunu jinvolvu persuni fil-poter.
Ir-rikors tal-lum kien maħluf fil-Qorti f’isem Repubblika mill-President Marion Pace Asciak, mis-Segretarju Ġenerali Robert Aquilina minn Vicki Anne Cremona.
Ir-rikors kien iffirmat mill-avukat Jason Azzopardi.