Illum il-Qorti ċaħdet l-ilment ta’ Adrian Delia li meta l-Avukat Ġenerali rrifjuta li jgħaddilu kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant, kien ċaħadlu d-dritt li jesprimi ruħu bħala l-għassies tal-gvern u ddiskrimina kontrih għaliex ta trattament differenti lill-Partit Laburista minn dak li ngħata lill-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia qal li bi ħsiebu jappella mis-sentenza.

Għalkemm huwa interessanti, d-dibattitu legali qed iseħħ fl-assenza ta’ dibattitu politiku adegwat.

Il-liġi suppost għandha tgħodd għal kulħadd bl-istess mod, kemm jekk wieħed ikun qed jokkupa kariga pubblika u kemm jekk le. Fil-prinċipju, dan huwa intenzjonat biex jiżgura li s-setgħana ma jingħatawx preferenzi fuq ħaddieħor. Il-qorti suppost m’għandha tħares lejn wiċċ ebda wieħed minn dawk li jirrikorru għandha, iżda għandha teżamina l-fatti u tapplika dak li tgħid il-liġi.

Jien m’jinix kwalifikat biżżejjed biex nifhem l-argumenti li ġab il-Kap tal-Oppożizzjoni jew il-motivazzjoni tal-qorti fin-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ dawn l-argumenti: ma nistax ngħid il-qorti kellhiex raġun jew le f’dak li ddeċidiet.

Iżda nista’ ngħid li għandu jew m’għandux raġun legali l-Kap tal-Oppożizzjoni li jitlob kopja tar-rapport, dan żgur li għandu raġun li jitolbu – jekk mhux għan-nom tiegħu stess – għan-nom ta’ kulħadd.

L-Avukat Ġenerali ammetta li kien hemm miżura partikolari ta’ interess pubbliku fil-każ. Din ma kienitx inkjesta dwar l-imġieba ħażina ta’ xi ħadd kwalunkwe iżda inkjesta dwar l-allegata mġieba ħażina tal-Prim Ministru attwali – l-istess persuna li kien fil-kariga meta seħħet l-allegata mġieba ħażina, meta saret l-inkjesta u meta ntemmet l-inkjesta.

Kien Peter Grech li ddeċieda waħdu sa fejn għandu jwassal l-interess pubbliku. Skont il-fehma tiegħu, l-għażla li jxandar biss 49 paġna – lejn it-tmiem, iżda mhux il-paġni tal-aħħar ta’ inkjesta twila 1,500 paġna – kienet biżżejjed biex tissodisfa l-interess pubbliku.

Din m’għoġbitx biss lil Adrian Delia. Ironikament, għal ftit taż-żmien, Adrian Delia deher li kien sodisfatt tant li għamel użu minn dawk id-49 paġna bħala raġuni biex ikeċċi lil Simon Busuttil mill-kariga ta’ kelliem dwar il-governanza tajba u li jitlob l-awto-sospensjoni tiegħu.

X’aktarx li ma nfluwenzatx lill-qorti d-dawra durella li spiċċa għamel Adrian Delia meta beda’ jinsisti għal kopja tar-rapport sħiħ biex seta’ jasal għal ġudizzju politiku.

Madankollu din id-dawra durella għamlet ħsara lill-argument politiku għaliex, tgħid x’tgħid il-liġi dwar id-“dritt” ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, fl-aħħar mill-aħħar din hi kwistjoni politika u fil-qasam politiku il-liġi ma tapplikax bl-istess mod għal kulħadd.

Din l-anqas m’hi kwistjoni “ta’ livell aktar għoli” ta’ ġudizzju għall-politiċi.

M’hemmx l-iċken dubju li fost l-ambjenti politiċi jeżistu suspetti li dak li ma xxandarx mir-rapport tal-inkjesta Egrant jista’ jikkaġuna ħsara kbira ħafna kemm lill-Prim Ministru kif ukoll lil istituzzjonijiet oħra bħalma huma l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija u dan talli dawn setgħu naqsu li jaġixxu fuq dak li rriżulta mir-rapport tal-inkjesta.

L-elf u ħames mitt paġna ma ttrattawx biss dwar in-nuqqas ta’ provi li kellhom jikkonfermaw li sid l-Egrant huwa Joseph Muscat.

Irriżulta mill-provi sid l-Egrant min hu?

Fuq kollox, il-qofol tal-kwistjoni m’huwiex dwar sid l-Egrant min hu. Filwaqt li minn banda, għal Joseph Muscat ma ġara’ assolutament xejn li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu b’kumpanniji sigrieti fil-Panama u li din ma kinitx raġuni biżżejjed biex idabbrilhom rashom, mill-banda l-oħra jiġi b’ħafna melodrama dwar dik li, skont hu, hi akkuża falza li hu sid waħda minn dawn il-kumpanniji sigrieti.

Kull tweġiba alternattiva għax-xilja li ‘Muscat huwa sid l-Egrant’ għandu jkollha l-effett li tillibera lil Joseph Muscat fuq bażi personali u kriminali. Iżda jeżistu tweġibiet oħrajn li xorta waħda jistgħu jġiegħluh iħallas prezz politiku.

Filwaqt li qed jagħmel tabirruħu li jixtieq r-rapport tal-inkjesta jixxandar, ftit huma dawk li qed jemmnu dan it-teatrin li jinqala’ ħafna għalih. Għal ġimgħat sħaħ, qalulna li d-dokument kien qed jiġi redatt – mhux mill-Avukat Ġenerali tafux – iżda mill-avukati personali ta’ Joseph Muscat li għandhom l-istess interessi li għandu hu.

Sakemm kollox jibqa’ taħt il-kontroll tiegħu, ir-rapport Egrant mhux se jara d-dawl tax-xemx. Filwaqt li bid-diskors igħidilna li jixtieqna naqrawh, bil-fatti qed jaħbih: qisu dak il-qattiel li lill-pulizija jurihom id-debba tal-koperazzjoni u mbagħad iqabbżilhom il-ħmara tat-tfixkil minn taħt.

Din m’hix kwistjoni dwar jekk hemmx raġun legali jew le. Il-Prim Ministru huwa kontabbli mhux biss fil-konfront tal-Imħallfin, tal-Parlament u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa wkoll kontabbli lejn il-poplu. Għandu f’idejh rapport li hu jaf x’fih. Huwa jaf sid l-Egrant min hu u ma jridx jikxef dak li jaf.

Issa tard wisq biex wieħed joqgħod jilmenta li l-Prim Ministru – li kien is-suġġett tal-inkjesta  – ma messux ingħata kopja tar-rapport Egrant. Peter Grech leħaq għaxxaqha f’dan ir-rigward.

Din m’hix kwistjoni ta’ “dritt” li aħna jista’ jkollna li naqraw ir-rapport sħiħ biex b’hekk ikun hemm bilanċ ma’ dak li jaf il-Partit Laburista. Għandna “dritt” li naqraw ir-rapport sħiħ għaliex Joseph Muscat suppost huwa l-qaddej  – mhux is-sultan – tagħna, u bħala sidien tiegħu għandna għalxiex mhux biss li nitħassbu dwar l-integrità tiegħu meta jew jekk jirriżulta li ħoloq kumpannija fil-Panama f’isem martu biex tirċievi flus ġejjin mit-tixħim mingħand id-dittatur tal-Ażerbajġan.

Messu dabbar rasu fuq ferm inqas minn hekk. Saħansitra messu warrab anki fuq ix-xtur li għatta dwar min tassew huwa sid l-Egrant u dwar il-bsaten fir-roti li saru biex tibqa’ ma ssirx ġustizzja mal-ħallelin li qed jaħkmu lill-pajjiż.