Din il-ġimgħa nistennew li tinqata’ s-sentenza f’kawża li kien għamel Adrian Delia li permezz tagħha talab lill-Qorti tordna lill-Avukat Ġenerali jxandar ir-rapport kollu dwar l-Egrant. Hemm possibilità li l-kawża tintrebaħ u b’hekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jkollu f’idejh informazzjoni sigrieta li s’issa kienet biss f’idejn Joseph Muscat – is-suġġett tal-inkjesta – u f’idejn l-avukat tiegħu Pawlu Lia u f’idejn l-assistenti tal-avukat tiegħu Owen Bonnici u Peter Grech. Joseph Muscat qed jassumi li kemm il-darba Adrian Delia jingħata r-rapport kollu dwar l-Egrant, dan ser isir jaf x’fih il-pajjiż kollu. Joseph Muscat żgur li mhux ser iħossu komdu jekk dan iseħħ u l-kwistjoni ilu jevitaha madwar sena.
U fl-eventwalità li l-kwistjoni ma tibqax taħt il-kontroll assolut tiegħu u nkunu fil-pożizzjoni li naqraw l-1500 paġna tar-rapport bid-dettalji u l-kumplikazzjonijiet kollha li fih, ikun iridna naħsbu li fil-fatt huwa dejjem xtaq li jkollna l-fakultà li naqraw ir-rapport kollu. Mhux hekk tgħid! Bħallikieku jinsab fuq palk jagħmel is-sħaħar u l-bużullotti, Joseph Muscat xegħel miċċa biex joħloq ħafna duħħan bil-għan li jipprova jaljenana minn dak li s’issa fehem huwa biss. Għal darb’oħra reġa’ perreċ liż-żewġ uliedu u żeffinhom fin-nofs biex dawn jilqgħulu għall-bomba politika li qiegħda tistennieħ. U reġa’ fakkarna fid-diskursata patetika li suppost kellu meta bintu, f’każ li l-ġenituri tagħha jintbagħtu l-ħabs, staqsietu dwar min kien ser isiefer magħha lejn id-Dubaj biex tkun tista’ tiltaqa’ mal-Prinċep Ġorġ. Ħadd ma skanta li l-konversazzjoni li kellhom waqfet hekk kif issemma’ l-ħabs.
Il-Prim Ministru, bħala ġenitur, ma qalilna xejn dwar il-biża’ li seta’ ħass u dwar il-mod kif spjega lil uliedu li, għalkemm Daphne Caruana Galizia inqatlet permezz ta’ karrozza bomba, kien jeħtieġ li jibqa’ jservi u li, bħal Daphne, ma setax iħalli l-biża taħkmu b’mod li jistgħu jixxekklu d-dmirijiet pubbliċi tiegħu. X’aktarx m’għamel xejn minn dan kollu. Għaliex li kieku wliedu – li meta jkun jaqbillu Joseph Muscat dejjem jara kif jagħmel biex iżeffinhom fin-nofs bħalma reġa’ għamel illum – tassew staqsewh dwar impjegat pubbliku li jkun inqatel permezz ta’ karrozza bomba, tistgħu tibqgħu ċerti li d-diskors malajr kien jaqa’ fuq it-twettiq tal-“ġustizzja” ma’ dawk li moħħhom biss biex joħolqu l-inkwiet fil-pajjiż.
L-esperjenza turina li, meta jfittxu li jiddefendu ruħħom mill-kritika li ssirilhom, irġiel ta’ età medja ta’ spiss jilgħabuha tal-vittmi. Jien m’jinix eċċezzjoni għal din it-tentazzjoni. Madankollu ma domtx biex intbaħt li, meta tilgħabha tal-vittma, tispiċċa ma tantx taqta’ sandar speċjalment ma’ persuna bħal binti. Iżda Joseph Muscat jemmen li meta jilgħabha tal-vittma, kapaċi jġibha żewġ – u hekk se jkompli jagħmel issa li din il-ġimgħa x’aktarx ser ikollu jiffaċċja kriżi ġdida. Lil Joseph Muscat m’hemm ebda raġuni għala għandna noqgħodu nitħassruh.
Għal aktar minn tliet snin sħaħ, Joseph Muscat żamm ma’ djulu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, t-tnejn sidien iċċertifikati ta’ żewġ kumpanniji fil-Panama li għaddew f’idejhom dakinhar stess li Egrant għaddiet f’idejn sidha.
Joseph Muscat żamm ma’ djulu lil Brian Tonna, l-istess bniedem li ħoloq l-Egrant u li kellu jwarrab mill-għaqda professjonali li tagħha kien membru biex seta’ jaħrab minn investigazzjoni dwar l-imġieba professjonali tiegħu.
Joseph Muscat personalment mexxa delegazzjonijiet għal laqgħat ma’ Ilham Aliyev akkumpanjat minn Keith Schembri u minn Konrad Mizzi u dan minn wara dahar il-membri tas-servizz ċivili u tal-istampa.
Joseph Muscat siefer lejn Firenze biex ikun jista’ jattendi għat-tieġ ta’ Ali Sadr Hashemi Nejad, l-għassies tas-sigrieti fil-Pilatus Bank, bank liċenzjat f’Malta, liema liċenzja imbagħad ġiet revokata fuq ordni tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-istess Ali Sadr li spiċċa arrestat fl-Amerika.
Joseph Muscat ra kif għamel biex tawwal il-bidu tal-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjoni li fil-Pilatus Bank kienet qed tinżamm prova li martu hi sidt l-Egrant u dan sakemm Ali Sadr, fis-satra tal-lejl, ingħata biżżejjed żmien biex inkiss inkiss iwarrab dak kollu li kellu jwarrab mill-bank biex imbagħad l-għada l-pulizija tħallew jibdew l-investigazzjonijiet.
Bħala Kummissarju tal-Pulizija, Joseph Muscat ħatar buffu u dan wara sensiela ta’ ħatriet u tkeċċijiet li servew l-interessi ta’ persuni korrotti wieħed wara l-ieħor: John Dalli kien l-ewwel wieħed li għaddiha lixxa wara l-iskandlu tal-Kummissjoni Ewropea; it-tieni kien Manuel Mallia li ħeles mill-veri konsegwenzi tal-imġieba tax-xufier tiegħu li spara bl-addoċċ fuq in-nies fit-triq; u t-tielet Konrad Mizzi li qed jara kif jagħmel biex ir-rapport tal-FIAU li kixfu li ħasel flus maħmuġin jibqa’ taħt it-tapit.
Joseph Muscat ħatar lil Silvio Valletta, r-raġel ta’ waħda mill-Ministri tiegħu, biex imexxi d-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali u dan sabiex ikun moħħu mistrieħ li ma jsirux investigazzjonijiet dwar reati kriminali li kemm hu kif ukoll il-klikka ta’ madwaru setgħu kienu nvoluti fihom, kwistjoni li ġiet ittrattata fil-Qorti Kostituzzjonali u, iktar tard fuq appell tiegħu stess, quddiem il-Qorti tal-Appell.
Joseph Muscat appella minn ordni li kienet saret minn Maġistrat biex tinbeda’ nkjesta dwar il-Panama Papers, u ra kif għamel biex l-appell li għamel jiġi trattat quddiem imħallef li hu miżżewweġ waħda mill-membri ewroparlamentari tiegħu.
Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni sena qabel iż-żmien – manuvra li twelldet u tlaħħmet ferm qabel feġġet l-aħbar li sidt l-Egrant kienet martu.
Joseph Muscat xandar sensiela ta’ stejjer mimlijin spekulazzjoni dwar aġenti doppji, spiji Russi u konġuri stil Putin, suppost ilkoll imlebilbin biex iwarrbuh mis-setgħa.
Jekk hemm xi ħadd li għandu jitgħabba bil-ħtija kollha għal dan it-taħwid, ċertament dan ix-xi ħadd huwa hu. Huwa biss għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għat-taħwid politiku tal-prima klassi li ġab b’idejh – taħwid li jipprova dejjem jostor bis-saħħa tal-appoġġ fanatiku u isteriku tas-segwaċi u tal-votanti tal-partit tiegħu li jidher li huma konvinti li x-xemx taf ma titlax filgħodu jekk jinħoloq xi dubju dwar jekk huwiex ser jibqa’ jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja.
Issa l-lagħqa ta’ madwaru ħarġu bil-petizzjonijiet biex iħeġġuh jibqa’ jmexxihom. Hemm ukoll il-kandidati tal-partit tiegħu li qed jitkellmu dwaru bħallikieku hu xi messija u b’tali mod li Dom Mintoff – li kieku għadu ħaj – kien jiħmarlu wiċċu bil-mistħija. U issa l-Farawni tagħna qed jitkellem dwar konġuri sigrieti li, skont hu, qed isiru minn uħud li qed ifittxu li “jiddistabilizzaw lill-pajjiż” u biex iċaħħduh mill-glorja tas-setgħa.
Min huma dawn Ġuż?
Il-lista ta’ konġuristi potenzjali m’hix waħda twila.
Daphne Caruana Galizia ġiet eliminata b’karrozza bomba u, issa li nqatlet, żgur m’hix ser tiġi mixlija minn Joseph Muscat b’xi kumplott tas-sħaħar biex jitpinġa ikraħ.
Maria Efimova, li milli jidher għandha mis-sħaħar għax baqgħet soda fil-konfront tat-tixwix ta’ Joseph Muscat, meta dan xlieha bi spjunaġġ u, wara kampanja sfrenata ta’ gideb malizzjużi mxandrin fl-istampa Ċiprijotta, għamlet żmien maqfula f’ħabs f’Ateni minħabba talba tal-gvern Malti għall-estradizzjoni tagħha lejn Malta, liema talba ġiet miċħuda għal darba darbtejn mill-Qrati Griegi.
Min aktar? Forsi Simon Busuttil? Joseph Muscat ma jistax iġerragħ il-fatt li Simon Busuttil qed ikompli bil-pressjoni tiegħu u qed jirrifjuta li jċedi anki wara li ippruvaw iwettqu pjan imxajtan biex jeliminawh mix-xena politika.
Dawn kollha li semmejt huma lkoll konġuristi li qed ifittxu li jidistabilizzaw lil Malta u ħaqqhom li ssir ġustizzja magħhom? Hekk qalilna l-prim ministru li ma jridx jirriżenja u li jagħti l-kenn lill-ħallelin, li jinnegozja mad-dittaturi, li jgħatti xtut il-bankiera tagħhom, li jimmanipula lill-pulizija, li jitkellem dwar konġuri finta u li jżeffen fin-nofs lil uliedu biex mingħalih igħatti x-xtur kriminali li għandu.
U, għal ġieħna, lil dan il-ħalliel ġifa u falz, il-lagħqa ta’ madwaru iqimuh bħala l-‘king’.
Tgħiduli xejn kemm hu “king”!!