Fi żmien xahar mil-lum il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja se tagħti sentenza importanti f’kawża li għamlet il-Kummissjoni Ewropea kontra l-Polonja dwar il-mod li bih il-gvern ta’ dak il-pajjiż qed jipprova jnawwar u jnaqqas l-indipendenza tal-ġudikatura.

Din is-sentenza se tkun importanti wkoll għal Malta fil-kuntest tal-kawża li għamlet Repubblika.

Iċ-ċirkostanzi fiż-żewġ pajjiżi m’humiex identiċi. Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tintervjeni mal-Polonja wara li l-gvern ta’ dan il-pajjiż wera’ li kellu l-ħsieb li jbiddel is-sistema (fejn jidħol l-irtirar tal-imħallfin) minn dik li kienet teżisti meta l-Polonja issieħbet fl-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ il-Kummissjoni ddeċidiet li taġixxi għaliex dehrilha li t-tibdil propost kien ser jikkomplika s-sitwazzjoni u jagħmilha agħar.

L-ilment ta’ Repubblika jiffoka fuq sistema li f’Malta ilha titħaddem għal żmien twil. Iżda kif sostniet fir-rapport tagħha l-Kummissjoni ta’ Venezja, il-fehmiet dwar il-mod kif għandhom ikunu mfassla l-istrutturi demokratiċi u dwar it-tifsira vera tal-ħajja demokratika, jinbidlu maż-żmien u s-sistema tagħna m’għadhiex adegwata biżżejjed biex tlaħħaq mal-livelli meħtieġa li tirrikjedi l-indipendenza tal-ġudikatura.

Ġaladarba l-każ tal-Polonja u dak ta’ Malta huma differenti, x’inhi r-raġuni li l-każ tal-Polonja jista’ jinfluwenza lil dak ta’ Malta?

Ir-raġuni hi li, fiż-żewġ każijiet, meta Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jonqos li jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura, ikun qed jikser il-kundizzjonijiet tat-trattat tal-UE: fi kliem ieħor, ikun qed jikser il-kundizzjonijiet tas-sħubija.

F’dan ir-rigward, il-każijiet ta’ Malta u dak tal-Polonja huma identiċi. Dan il-punt huwa fundamentali u, kif irrikonoxxa l-Imħallef Mark Chetcuti fis-sentenza tiegħu tal-bieraħ, id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea se sservi biex tagħti direzzjoni lill-qorti Maltija fil-każ li għandha quddiemha.

Il-bieraħ il-gvern daqq it-trombi u qal li l-każ issa huwa magħluq.

Iż-żmien ser jagħtina parir jekk dan huwiex minnu.