Innotajtu li l-liċenzja ta’ Chetcuti Cauchi għall-bejgħ tal-passaporti Maltin iġġib in-numru IIP001.

Il-liċenzja tagħhom ġiet sospiża llum wara li nqabdu jiftaħru dwar kemm għandhom ħila li jakkwistaw passaport għall-klijenti tagħhom għax huma ħobża u sikkina ma’ Owen Bonnici, Julia Farrugia u Joseph Muscat. In-numru ta’ reġistrazzjoni IIP001 jfisser li kienu l-ewwel aġenti liċenzjati ta’ Henley & Partners. M’għandniex għalfejn niskantaw wisq għaliex fil-verità huma ħaġa waħda mar-reġim. Dawn huma dak li konna nsejjħulhiom ta’ Tagħna Lkoll.

Issa huma minn tal-ewwel li tneħħitilhom – jew ġiet sospiża – il-liċenzja tagħhom wara li nqabdu bil-qalziet imniżżel.

Naraw x’se jiġri issa. Kull klijent li akkwista passaport bis-saħħa tagħhom għandu jiġi mgħoddi minn għarbiel. Lil dawn il-klijenti x’aktarx mhux ser isibuhom f’Malta.

IIP001.

Min jaf, forsi Jean-Philippe Chetcuti jitħajjar jarma karrozza b’dan in-numru. Jew forsi jista’ jqiegħed dan in-numru fuq il-Lamborghini ta’ Luke Chetcuti.