Ħames xhieda kienu konsistenti fix-xhieda tagħhom. Neville Gafà talabhom ixaħħmuh bi bdil ma’ servizz pubbliku: jiġifieri l-ħruġ ta’ viża medika. Wħud mix-xhieda stqarrew li dan is-servizz kien ġie miċħud lilhom għax irrifjutaw li jxaħħmuh. Oħrajn xehdu li Neville Gafà kien ordna lil membri tal-korp tal-pulizija libsin l-uniformi biex jagħmlu pressjoni fuqhom sabiex jiġu mġiegħla jxaħħmuh. Xhieda oħrajn xehdu li kien offrielhom flus biex ma jixhdux kontrih.
Dawn kienu lkoll xhieda li ġew imħarrka biex jixhdu mill-editur tal-The Malta Independent on Sunday David Lindsay li qed jiddefendi ruħu f’kawża ta’ libell li fetaħ kontrih Neville Gafà wara li l-istess ġurnal kien xandar rapport dwar dak li xehdu l-istess xhieda fil-qorti l-bieraħ.
Neville Gafà ħa falza stikka.
L-ewwelnett, Neville Gafà ħarrek lill-ġurnalist għax kien mingħalih li dan ma kellux il-ħila li jtella’ bħala xhieda lill-għejjun li kienu tawh l-informazzjoni. David Lindsay wrieħ li kien żbaljat fil-kalkolu li kien għamel. Li kieku l-ġurnalisti jirrappurtaw biss informazzjoni li jgħaddulhom għejjun li jkunu preparati li jixhdu, il-verità ma nsiru nafuha qatt. Dawn ix-xhieda xehdu mil-Libja u m’humiex maħkumin mill-biża’ li jistgħu jgħarrqu xi relazzjoni li jistgħu jkollhom fil-futur mal-gvern Malti. Meta xehdu li Neville Gafà talabhom li jxaħħmuh, huma ammettew ukoll li xaħħmuh, liema ammissjoni minnha nnifiha tammonta għal delitt kriminali.
Korruzzjoni bħal din qed isseħħ f’oqsma oħra wkoll. Kollegi ta’ Neville Gafà kif ukoll l-imgħallmin tiegħu qed jitolbu ħlas b’tixħim mingħand bosta persuni li jfittxu li jinqdew b’xi servizz pubbliku. Hemm ukoll sidien ta’ ristoranti, sidien ta’ ħwienet li jbiegħu l-ħwejjeġ tal-ilbies, sidien ta’ ħwienet żgħar u negozji oħra li qed jiġu mġiegħla jinkludu lill-imgħallmin u lill-kollegi ta’ Neville Gafà bħala sħab fin-negozji tagħhom biex b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar li jinqdew malajr u mingħajr xkiel żejjed fejn għandhom x’jaqsmu l-għoti ta’ servizzi pubbliċi u l-ħruġ ta’ permessi.
Madankollu jeħtieġ niftakru li dawn l-individwi għandhom in-negozji tagħhom u l-familji tagħhom f’Malta u għaldaqstant dawn ċertament mhux ser ikunu lesti li jixhdu fil-qorti. Allura l-għażla li jkollhom quddiemhom tkun: jew iħallu lil Neville Gafà u l-imgħallmin u l-kollegi tiegħu jkomplu jgħadduha lixxa minkejja l-korruzzjoni tagħhom jew inkella jiġu mħarrka bħalma ġie mħarrek David Lindsay u jispiċċaw biex ifallu n-negozju tagħhom.
It-tieni, dawn il-ħames xhieda l-pulizija ilha taf bihom għal snin sħaħ. Il-pulizija ilha taf bix-xhieda konsistenti tagħhom u bil-messaġġi telefoniċi u l-iscreenshots li kienu għaddewlhom. Iżda minkejja l-provi, l-Pulizija qatt ma ressqet il-każ il-qorti u lil Neville Gafà qatt ma ħarrkitu. Li hemm il-qorti hi kawża ta’ libell li fetaħ Neville Gafà nnifsu.
Il-Pulizija kienet “investigat” lil Neville Gafà u, mbierek Alla, ma sabitx fuqhiex tħarrku fil-qorti.
Iżda issa l-Pulizija għandha ruxxmata spjegazzjonijiet x’tagħmel. Lil dawn il-ħames xhieda kienet kellmithom? Il-għala kkonkludew li dak li kienu stqarrew ħames xhieda li ma kellhom xejn x’jirbħu bl-ammissjoni tagħhom li kienu xaħħmu uffiċjal pubbliku li talabhom ixaħħmuh ma kienx biżżejjed biex imexxu bil-qorti kontra Neville Gafà? L-unika tweġiba li għandha l-ħila toħroġ biha l-Pulizija hi li ‘l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin’. Din it-tweġiba ma teżonerax lil Neville Gafà. Ma jista’ qatt ikun hemm eżonerazzjoni. Iżda tweġiba bħal din tkompli ttawwal il-proċess b’mod indefinittiv. Aktar ma jitħalla jgħaddi żmien, aktar ser ikun hemm ġurnalisti li jibdew jibżgħu u jaħsbuha darbtejn qabel jesponu ruħħom għall-kawżi ta’ libell u jikber iċ-ċans li x-xhieda jagħżlu li jsoddu ħalqhom jew għax jaċċettaw li jinxtraw jew għax iċedu għat-theddid jew jispiċċaw vittmi ta’ xi “aċċident”.
Dan huwa l-mod kif l-awtoritajiet Maltin qed jittrattaw mad-delitti kriminali li qed iwettqu l-politiċi tagħna.
It-tielet: il-prim ministru tgħidx kemm faħħar lil Neville Gafà. Qalilna li “hu qed jagħmel xogħol siewi ħafna”. Din l-istqarrija l-prim ministru għamilha qabel ma ngħatat ix-xhieda li ngħatat il-bieraħ iżda ferm wara li xxandru minn David Lindsay l-istqarrijiet li kienu għamlu dawn ix-xhieda żmien ilu. Issa lkoll nafu li l-prim ministru la ser jerfa’ r-responsabbiltà għal dan kollu u lanqas m’hu ser iġiegħel lil ħaddieħor jerfagħha. Neville Gafà jaħdem fl-uffiċċju tal-prim ministru u jirrappreżenta lil Malta kull darba li jifforma parti minn delegazzjonijiet uffiċjali mibgħutin lill-gvern Libjan – l-istess gvern li ċittadini minn tiegħu kienu ntalbu li jxaħħmuh.
Ir-raba’: Neville Gafà talab it-tixħim mingħand persuni midruba bil-gwerra li kienu qed ifittxu li jingħataw trattament mediku. Tistgħu timmaġinaw fejn jista’ jasal aktar bniedem li jfittex li jgawdi permezz tat-tixħim minn fuq it-tbatija ta’ ħaddieħor? Tistgħu timmaġinaw abbuż ta’ poter u ta’ awtorità minn uffiċjal pubbliku aktar kiefer minn dan?
Min jaf kemm tfantsu l-vittmi tiegħu meta Neville Gafà qalilhom li huwa “Musulman bħalhom”.
Allah għad ipattihielek Sur Gafà.