M’għandix grazzja ma’ Justin Schembri. B’daqshekk ma ġara’ xejn. Nippreżumi li lili ma tantx jarani ħelu. Jien kont ikkritikajtu fl-imgħoddi dwar il-kummenti li jogħġbu jgħaddi fil-Facebook li mbagħad jipprova jbenġilhom biex jiġġustifika lilu nnifsu.

Illum tgħix kemm iċċelebra r-rebħa li għamel Matteo Salvini fir-reġjun tal-Umbria. Għalkemm x’aktarx li xi ħadd fid-Dar Ċentrali tal-PN ser ikollu jġiegħlu jdoqq l-irtirata, jidher li fil-fehma ta’ Justin Schembri il-PN u hu stess għandhom jimxu fuq l-eżempju tal-Lega u tal-mexxej tagħha.

Nerġa’ ntenni li b’daqshekk ma ġara’ xejn. Iżda jfisser li jien ser ikolli nżomm ruħi ‘l bogħod mill-partit li tiegħu kont membru u li ser ikolli niqaflu. Jien lest nieqaf kontra r-razzisti, l-bigotti u l-faxxisti tkun xi tkun il-bandiera li jperpru u nkun kemm inkun nostalġiku għal dak kollu li l-partit kien ifisser għalija.

Justin Schembri huwa kelliem tal-PN. Il-Partit ma jistax iżommu fi ħdanu u fl-istess ħin jiddisassoċja ruħu minnu. Dak li qal ma żelaqlux minn ħalqu bi żball u jidher ċar li għandu ammirazzjoni għal Matteo Salvini u għal Lega. Li kieku  Justin Schembri kellu jkun il-mexxej tal-PN, Malta kien ikollha l-verżjoni Maltija ta’ Matteo Salvini, Marine Le Pen jew Joerg Meuthen u l-bqija.

Jibqa’ l-fatt li l-PN baqa’ jippreżenta lil Justin Schembri bħala wieħed mill-kelliema ewlenin tiegħu u lil ħaddieħor li ma jaqbel xejn mal-pożizzjonijiet ta’ Justin Schembri, il-PN qiegħed iwarrbu. Għaldaqstant ikolli nikkonkludi li l-PN m’għadux dak il-partit tolleranti, umanista u demokristjan taċ-ċentru-xellug, iżda partit bigotta, razzista u faxxista tal-lemin estrem.

Ifhmuni sewwa. Jien mhux qed nippretendi li l-PN għandu jiżfen skond id-daqq politiku tiegħi. Iżda minn naħa l-oħra l-PN ma jistax jibqa’ jippretendi l-appoġġ tiegħi ġaladarba l-partit li tiegħu kont membru m’għadnix nagħrfu. U mhix biss kwistjoni dwar il-fatt li l-mexxej preżenti tiegħu m’għandux il-ħila li jirbaħ elezzjoni minkejja l-fatt li l-avversarji politiċi tiegħu jinsabu mgħaddsa fit-tajn u fid-demm. Il-PN la hu u lanqas m’hu jippreżenta ruħu bħala alternattiva għal gvern li għandna bħalissa. U intom sewwa tafu kif naħsibha dwar dawk li qed imexxu l-gvern bħalissa.

Lil ħbieb tiegħi fil-PN ngħidilhom li jekk ma jikkundannawx pubblikament dak li stqarr Justin Schembri meta dan ta l-appoġġ kollu tiegħu lil Matteo Salvini u lill-politika tiegħu, tkunu qed tiżbaljaw bl-ikraħ. Hawn min jidhirlu li jkun aħjar jekk jinżamm il-kwiet u ma jinqalgħux kwistjonijiet bla bżonn. Iżda l-verità hi li ma tistax iżomm il-kwiet ma’ xi ħadd li l-politika tiegħu qed iddaħħal id-dubji dwar kemm kienet tajba l-politika anti-faxxista tal-PN ta’ dawn l-aħħar 70 sena. Min iżomm is-skiet fil-konfront ta’ dan kollu jsir kompliċi.

U għaldaqstant, ħbieb tiegħi, jkolli nieqfilkom ukoll.