Mid-diskorsi, mit-tweets u mill-stqarrijiet kollha li saru – ilkoll bi kritika għall-imġieba tal-gvern mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ‘l hawn – spikkat waħda fuqhom ilkoll.
Il-kummenti li għamlet l-ambaxxata Amerikana kienu kummenti li skantawni mhux ftit.
L-ambaxxati s-soltu jqisu kliemhom sew.
Dan ma jfissirx li l-esperti tal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti li tkellmu l-bieraħ kliemhom ma jqisuħx jew li ż-żjara u d-diskors tas-sindku ta’ Palermo m’għandhom ebda tifsira politika.
Iżda l-kummenti li għamel il-bieraħ il-gvern Amerikan qajjmu għagħa kbira mhux ħażin.
‘Jekk tkun ix-xewqa tal-gvern Malti, nistgħu ngħinuh jikxef l-identità ta’ min qatel lil Daphne Caruana Galizia.’
Dan il-kliem jeħtieġ li nifhmuh sew għax ifisser ħafna u jfisser ħafna aktar milli wieħed jaħseb li jfisser mal-ewwel daqqa t’għajn.
Dan il-kliem ifisser li l-gvern Malti gideb meta kien stqarr li kien bi ħsiebu jagħmel minn kollox biex jikxef l-identità ta’ min wettaq id-delitt. Mhux talli l-gvern m’huwiex jagħmel “minn kollox”, iżda qiegħed iċaħħad lill-investigaturi lokali mir-riżorsi u l-għodda li jeħtieġu. Il-gvern “ma talabx” għall-għajnuna tal-esperti Amerikani. Biex il-gvern Amerikan ħass il-ħtieġa li jgħid pubblikament li lest joffri l-esperti jfisser li dak huwa li kien offra privatament l-gvern Malti ma laqgħu qatt.
Dan ma jistax ħlief ifisser li l-gvern Malti xeba’ jigdeb dwar is-suppost koperazzjoni bla tarf li qal li keelu u għad għandu mar-riżorsi tal-FBI bil-għan li tinkixef l-identità tal-qattiel jew tal-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia. Kif ilna żmien twil nissuspettaw, il-koperazzjoni li kien hemm mal-FBI kienet biss limitata għall-kxif ta’ min allegatament wettaq id-delitt, li kien biss il-bidu ta’ każ ta’ omiċidju bħal dan. Iżda jidher li l-koperazzjoni ma’ awtoritajiet tal-pulizija barranin kienet diġà twaqqfet f’Diċembru 2017.
Dan ifisser ukoll li dak li kien id-Direttur Ġenerali tal-Europol ma kienx waħdu fil-frustrazzjoni li ħass dwar in-nuqqas ta’ ħeġġa minn naħa ta’ Malta biex jinstab tarf ta’ dan l-assassinju. Dik l-istqarrija issa qed jikkonfermawha l-Amerikani.
Dan ifisser ukoll li l-Amerikani huma fiduċjużi li dan id-delitt jista’ jinstab tarfu.
Iżda hemm ukoll kwistjoni oħra. Biex waslu biex għamlu stqarrija bħal din, l-Amerikani jidher li għandhom xi tarf f’idejhom.
L-istqarrija tal-bieraħ tindika li l-Amerikani jafu l-mandanti min huma. Barra minn hekk, l-istqarrija turi li l-Amerikani jafu li l-gvern Malti jaf min huma l-mandanti. L-istqarrija tal-gvern Amerikan tammonta għal messaġġ pubbliku – li ta’ bilfors segwiet sensiela ta’ messaġġi privati li l-awtoritajiet Maltin għamlu tabirruħħom li ma rċievewx – li l-Amerikani jafu li l-gvern Malti jaf bl-identità tal-mandanti.
S’hawn kellna naslu.