Kien hemm uħud li qalulna li l-bieraħ filgħaxija kellhom il-ħsieb li jattendu għad-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta iżda li mbagħad reġa’ bdielhom għaliex ħassew ruħħom urtati bl-atteġġjament ta’ Helene Asciak, oħt Daphne Caruana Galizia, meta lil Adrian Delia u lid-delegazzjoni tal-PN qaltilhom fejn għandhom idaħħlu li kuruna tal-fjuri li ġabu magħhom. U ma qagħditx togħmod kliemha fl-ispjegazzjoni li tagħthom.

L-assenza ta’ dawk li ma marrux għad-dimostrazzjoni minħabba din ir-“raġuni”, ma nħasset xejn. Mhux għax ma xtaqniex li jkollna numru dejjem akbar ta’ nies, iżda għaliex għal sentejn sħaħ dawk li jattendu ridnihom li jkunu persuni li fehmu – għalkemm uħud minnhom fehmu xi ftit tard – li leħen mara qalbiena li dejjem fittxet li tgħid il-verità minkejja l-pretensjonijiet tas-soċjetà, jistħoqqlu li jiġi mħares. Kienet mara li kien jistħoqqilha li ma titħalliex weħidha. Iżda minflok konna nkunu taparsi skandalizzati għaliex din bilfors tbati bl-isteriżmi u ma tafx iżżomm postha!

Agħtu daqqa t’għajn lejn il-kumment li għamel Dione Borg lil tal-Lovin Malta. Jaħasra Dione jinsab “imweġġa'” minħabba l-imġieba ta’ Helene Asciak – mara twila 5 piedi kollox – li ħaditha kontra seba’ rġiel u l-kuruna tal-fjuri tagħhom. Il-fjuri mormijin iweġġgħuh, hux tassew? Jien qatt ma smajtu jitniffes fis-700 jum li fihom il-gvern – li l-partit tiegħu huwa mħallas mit-taxxi tagħna biex jopponi –   ra kif għamel biex tajjar u rema’ fjuri minn mal-mafkar. Qatt ma ndenjaw ruħħom jiddefendu lil dawk li jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat mill-bulijiet li min jaf kemm il-darba kienu jmorru biex jikinsu u jarmu l-fjuri u saħansitra anki biex jinsultaw u jheddu.

Fost id-delegazzjoni kien hemm ukoll Herman Schiavone – persuna li kien messu kellu l-kirjanza li ma jersaqx lejn il-mafkar – li l-PN bħal donnu talbu biex ikun hemm wara li dan ingħata l-assoluzzjoni talli kien talab għajnuna finanzjarja mingħand Yorgen Fenech. Issa li ilna nafu dak li nafu u li dwaru pajjiż sħiħ għandu ċerti suspetti, il-PN żgarra bl-ikraħ meta lil Schiavone inkludieħ f’delegazzjoni fejn ċertament ma kienx postu.

M’għandniex xi ngħidu, ħaġa bħal din għandek tistenniha mingħand Adrian Delia. Lil Helene Asciak  – li bir-raġun kienet kommossa – kellu l-wiċċ tost li jgħidilha li hu kien qiegħed hemm biex jagħti ġieħ lil oħtha. Li kieku mxiet mar-regoli ipokriti tas-soċjetà, diskors bħal dan kien ikun biżżejjed biex isikkitha. Iżda Helene ma ħallietux jgħaddiha biż-żmien.

Jien u nsegwi l-filmat tal-inċident tal-bieraħ, ftakart fir-rabja li kien ħass neputiha Matthew Caruana Galizia meta, dakinhar tal-funeral ta’ ommu, lemaħ kuruna tal-fjuri b’żigarella bil-kliem “L-Ispeaker” mingħand Anġlu Farrugia – l-istess bniedem li kien xeħet lil ommu f’ċella maħmuġa tinten meta din kien għad kellha 19 il-sena bil-għan li kontra qalbha jġiegħla tiffirma ammissjoni.

B’xi mod, nippretendu li l-mejtin għandhom jaħfrulna għall-azzjonijiet ħżiena li nkunu għamilna fil-konfront tagħhom, iżda ta’ spiss jiġri li lill-mejtin ma naħfrulhomx kif ġieb u leħaq.

Adrian Delia bħal donnu jrid lin-nies toqgħod tfaħħru talli mar jagħti qima lil persuna li tant kienet għamlet ħsara lill-karriera politika tiegħu. U m’hemmx dubju li jrid inessina li madwar 10% tal-kawżi ta’ libell li ddefendiet Daphne kienu kawżi li saru minn Adrian Delia, uħud minnhom ippreżentati fil-qorti b’mod drammatiku fis-siegħa ta’ filgħodu.

B’imġieba mhux tas-soltu għal politiku Nazzjonalista, Adrian Delia kien issieħeb f’kampanja selvaġġa mnedija minn persuni li għandhom is-setgħa f’Malta li abbużaw minn din is-setgħa biex jippruvaw ikissru ġurnalista talli din kienet għażlet li twettaq xogħolha kif suppost, biex jaqtgħulha qalbha permezz tal-qrati, biex jużaw lill-partitarji l-aktar fanatiċi tagħhom biex jhedduha u jbeżżgħuha u biex lil tal-Partit Laburista jaqdihom billi jmexxi oppożizzjoni taparsi biex b’hekk dawn ikomplu jirrenjaw b’impunità sħiħa.

Huwa ħati daqs Chris Cardona, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat. Fl-istess ħin, l-imġieba tiegħu hi agħar għaliex spiċċa biex dgħajjef lill-Partit Nazzjonalista – partit li dejjem iddistingwa ruħu bħala tarka favur il-kelma ħielsa u l-ġurnaliżmu.

Dawk l-eluf li abbandunaw lill-PN u li issa qed jiddimostraw favur is-sewwa u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, lil Adrian Delia ma jinteressawħx. Bis-saħħa tal-vulnerabilità ovvja ta’ Helene, dan jippretendi li bilfors li aħna salt żmagati biex ma ntlifniex warajh. Għax – miskin – kollox qed jagħmel sewwa u, għax ma rridux nafu bih, bilfors li aħna xi razza ta’ mġienen isteriċi.

L-espressjoni li kellu fuq wiċċu ‘l bieraħ kienet tixbaħ l-espressjoni li kellu fil-Milied li għadda meta, hu u jitkellem fuq Xarabank, riedna nitħassruh meta ftaħar dwar kemm huwa missier eżemplari u li kellu jbati minħabba l-fatt li martu ma kienet qed tieħu l-kura medika li kienet teħtieġ. Miskin jaħasra.

Il-fatt hu li jibqgħu jiddominaw irġiel abbużivi dment li n-nies tibqa’ tibla’ dawn il-kummiedji u teatrini. Hi u tinnota x-xenati tal-bieraħ, in-nies ma ntebħitx b’dak li huwa tant minn ewl id-dinja. X’kienet ir-raġuni li d-delegazzjoni tal-PN ma ssieħbitx fid-dimostrazzjoni flimkien ma’ dawk li ħadu sehem fil-protesta ta’ filgħaxija? X’kienet ir-raġuni li d-delegazzjoni marret għal rasha għall-attività quddiem il-mafkar – attività li, matul sena sħiħa, tal-PN lanqas biss jirreferu għaliha fil-mezzi tax-xandir tagħhom?

Ibqgħu ċerti li naqsu li jattendu filgħaxija mad-dimostranti l-oħra għaliex ma kienitx tkun Helene Asciak biss li lil Adrian Delia kienet tgħidlu biex imur jixxejjer.

Għaldaqstant ix-xena li rajna l-bieraħ fil-Belt kienet waħda li kienet ippjanata u manipulata mill-bidu nett biex lin-nies igiegħeluha taħseb li, quddiem mafkar ta’ mara li ġiet mgħajjra biċċa blogger sakemm inqatlet b’karrozza bomba, huwa issa nidem u nbidel u huma biss tal-“klikka ta’ Daphne” li dan ma jridux jammettuh.

Din il-manipulazzjoni jidher li ħadmet ma’ dawk li ħasbu li Adrian Delia kien qed ikun inġenwu u li ma kienx stenna r-reazzjoni li sab ma’ wiċċu meta l-bieraħ mar bil-kuruna tal-fjuri f’idu. Ċertament ma kienx każ ta’ xi nġenwinità minn naħa tiegħu. Huwa mar biswit il-mafkar għax kien stenna reazzjoni u ried li jitpinġa bħala vittma: vittma ta’ mara li bilkemm tidher ħdejh u li – waħidha – kienet lesta li taffronta lilu u lil dawk li kellu madwaru li lkoll għadhom lesti li jtuħ il-kredibilità għal raġunijiet li s’issa għadni ma nistax nifhimhom.

Qed nirreferi wkoll għal Louis Galea li mal-mogħdija taż-żmien qed jitlef ir-rieda tajba li gawda lejliet dakinhar li ddaħħal fix-xena minn Adrian Delia fi sforz biex jipprova jżomm fil-wiċċ qabel il-vot li ttieħed li kien messu dabbarlu rasu għal dejjem. Lil dawk l-eks partitarji tal-PN li qed igħidu li ma jivvutawx PN sakemm jibqa’ kap tal-partit Adrian Delia, Louis Galea qed igħidilhom li Delia m’huwiex salvabbli. Iżda li jixtieq isalva lill-PN mill-għarqa.

Adrian Delia jaf – u dan qed insostnieħ għaliex jidhirli li kien jaf eżatt x’kien ser iseħħ il-bieraħ quddiem il-mafkar – li jista’ jibqa’ jimraħ fil-wiċċ dment li l-oppożizzjoni tibqa’ mifruda. Il-bieraħ mar biswit il-mafkar għaliex kien jaf li x-xena li seħħet kellha l-potenzjal li tnaffar lill-partitarji tiegħu milli jattendu għall-protesta. Ngħiduha kif inhi: akbar ma’ tkun l-attendenza għall-protesta, aktar ser jidher ikraħ u nkompetenti hu fit-tmexxija ta’ oppożizzjoni għal gvern imċappas bid-demm ta’ assassinju u b’riħa fuqu ta’ korruzzjoni tinten seba’ pesti.

Oppożizzjoni magħquda ma tgħoddx għal Adrian Delia. Iżda oppożizzjoni mifruda sservi biex iżżomm lilu u lil Joseph Muscat fil-wiċċ tax-xenarju politiku.

Fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, mexxej veru tal-PN jmissu qiegħed imexxi l-folol fit-toroq. U issa Adrian Delia wasal fi stat li anki persuni bħal Jean Pierre Debono ma jistgħux ikomplu jissaportuh aktar.

Il-bieraħ rajna lil Daphne fil-persuna ta’ Helene. Ġiet taqa’ u tqum minn dak li setgħu jgħidu n-nies dwarha. Lid-delegazzjoni talbitha tersaq lura bil-ġentilezza kollha.

Dawk li organizzaw id-dimostrazzjoni tal-bieraħ ma jinteressawhomx il-folol enormi. Ma ħassejniex l-assenza ta’ dawk li m’attendewx għax belgħu il-lixka ta’ Adrian Delia. Dawn jidher li għadhom ma ntebħux bil-qerq ta’ dawk li għandhom is-setgħa. Iżda dan ma jħabblilniex rasna u ser nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna.

Mal-mogħdija taż-żmien, għad jintebħu wkoll.

Kif stqarr il-bieraħ Don Luigi Ciotti f’diskors pjuttost twil: ir-rivoluzzjoni jeħtieġ li tibda’ minn ġo fina stess.