X’diżastru!

Kont imħajjar nikteb dwar Jeffrey Pullicino Orlando u Jason Micallef u t-tilwim fil-beraħ li hemm fost il-partitarji Laburisti. Jew dwar l-istat miskin li jinsab fih il-PN.

Iżda paragunat ma’ dak li jinsab għaddej bħalissa, dawn is-suġġetti huma neqsin mill-importanza.

Il-priorità għandha tkun li dawk li qatlu lil Daphne għandhom jieħdu dak li ħaqqhom. F’nofs din il-konfużjoni kollha, l-informazzjoni li qed tiġi mitmugħa lill-ġurnalisti, l-istqarrijiet selettivi tal-prim ministru, is-skiet uffiċjali tal-investigaturi u l-imġieba tal-mistħija tal-Ministru tal-Intern, qed igħidulna uffiċjalment li dalwaqt toħroġ il-verità. Joseph Muscat qed jgħidilna li wasalna biex “jissolva l-każ”.

Ma nistax ma nissuspettax li dak li “wasal biex jissolva” m’huwiex il-verità dwar il-qtil ta’ Daphne. Dak li “wasal biex jissolva” hi l-konsegwenza politika ovvja – u, fi-rigward ta’ xi persuni, il-konsegwenza kriminali u penali – ta’ dan id-delitt. Joseph Muscat għandu kull interess li jipprova jfarfar mir-responsabbiltà tiegħu, ta’ Keith Schembri u tal-oħrajn. Is-servizzi ta’ sigurtà ilhom xhur sħaħ li qalulu li Yorgen Fenech huwa bniedem li fuqu kien hemm id-dell tas-suspett. U xorta waħda kien aċċetta li jiltaqa’ miegħu. Kif Keith Schembri kien ukoll iltaqa’ miegħu u wassallu l-informazzjoni.

Jeżistu tape recordings li jikkonfermaw li għal xhur sħaħ is-servizzi tas-sigurtà kienu jafu bl-involviment ta’ Yorgen Fenech u ta’ Melvin Theuma fid-delitt. U peress li dawn jwieġbu lill-prim ministru għal għemilhom, il-prim ministru kien jaf ukoll.

Iżda għal xhur sħaħ ma saru ebda arresti u ttantaw iwettqu pjan biex jippruvaw jaħbu u jixħtu kollox taħt it-tapit. Issa Joseph Muscat ftiehem ma’ Melvin Theuma biex joħroġlu proklama ta’ immunità. Jeħtieġ li wieħed jifhem li, bis-saħħa ta’ din il-proklama, Theuma jista’ jiffranka ikla ħabs għal għomru.

Issa nafu wkoll li  Keith Schembri nqabad jipprova jfixkel il-kors tal-ġustizzja permezz ta’ azzjoni ko-ordinata flimkien ma’ Yorgen Fenech ftit qabel l-arrest ta’ dan tal-aħħar.

Issa għamlu sforz biex tgħaqqdu l-biċċiet.

Tgħid lil Melvin Theuma aċċettaw li jagħtuħ il-proklama dment li dan iwaħħal f’Yorgen Fenech għad-delitt? Mhux qed ngħid li seħħ dan l-arranġament. Dan ma nafx ġarax jew le. Iżda Keith Schembri lil Joseph Muscat jiddeskrivieħ bħala “l-aqwa ħabib” li għandu. X’taħsbu li huwa l-aktar xenarju probabbli: li  Joseph Muscat jilgħab waħda mill-aħħar karti li għandu biex iħares l-interessi tal-“aqwa ħabib” tiegħu jew le?

Minflok li ssir ġustizzja mal-familja tal-vittma u mal-pajjiż kollu, qed jitfaċċaw ħafna dubji tal-waħx dwar jekk dak li qed iseħħ huwiex ser iwassal biex issir il-ġustizzja. Din l-istampa tal-waħx mhux ser neħilsu minn ha dment li  Joseph Muscat jibqa’ jilbes il-kappell ta’ investigatur fi qtil li fih jinsab implikat “l-aqwa ħabib” tiegħu.