Stqarrija ta; Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com:
Kull 16 tax-xahar aħna norganizzaw velja li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia u tesiġi verità u ġustizzja, għaliha u għax-xogħol ġurnalistiku tagħha. Dan se nibqgħu nagħmluh sakemm issir magħrufa l-verità u tintradd il-ġustizzja.
Iżda b’dak li qed jiġri f’pajjiżna, irridu ngħidu lill-gvern bl-aktar mod ċar li m’għandux jaħseb li din hi xi tifkira li m’għandhiex x’taqsam miegħu.
Għalhekk, nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru minbarra l-velja ta’ kull xahar ser norganizzaw mixja ta’ protesta. Qed insejjħu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-kommunità kollha sabiex jissieħbu magħna fi protesta li trid tilħaq għanijiet ċari u espliċiti.
Keith Schembri jista’ jiċċita d-drittijiet personali tiegħu biex jaħrab li jixhed fil-Qorti. Iżda Keith Schembri hu uffiċjal pubbliku. Keith Schembri għandu jirriżenja minnufih jew jitkeċċa mill-Prim Ministru.
Nafu bħala fatt li wara l-elezzjoni li tatu l-poter waqqaf kumpanija fil-Panama. Nafu li dik il-kumpanija kellha “business plans” ma’ 17 Black. Nafu li 17 Black hi ta’ Yorgen Fenech. Nafu li Yorgen Fenech stagħna bl-appalt pubbliku tal-Electrogas.
Issa kulħadd qed jaħrab mill-konsegwenzi. Keith Schembri ħarab mill-Qorti. Yorgen Fenech ħarab mill-pajjiż. Konrad Mizzi – li wkoll ftihem biex jitħallas bil-moħbi minn Yorgen Fenech – qed jiżgiċċa kull inkjesta li ssir kontrih.
Ma’ dawn it-tnejn Chris Cardona u Edward Scicluna huma suspettati f’inkjesta kriminali li stagħnew meta biegħu sptarijiet pubbliċi lill-privat.
Dawn huma nies li qed jiżmantellaw il-protezzjoni soċjali biex jagħmlu ‘l dawk li jixtruhom aktar sinjuri. Kulħadd qed iħallas kontijiet tad-dawl ogħla biex xi ħadd fl-Ażerbajġan qed isir sinjur minn fuqna. Qed inħallsu miljuni aktar lil xi ħadd bla wiċċ biex l-Għawdxin u l-pazjenti tal-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech ma raw ebda titjib fis-servizz tas-saħħa.
Is-sitwazzjoni llum-il ġurnata f’pajjiżna hi tali li l-mod kif l-imħallfin u l-maġistrati qed jiġu appuntati abbażi ta’ l-appartenenzi politika tagħhom tnissel fost iċ-ċittadini nuqqas ta’ fiduċja fil-ġudikatura. Dan huwa ta’ xkiel għall-benessere personali u dak tal-komunita’. Jeħtieġ li ċ-ċittadini jingħaqdu sabiex flimkien iwaqqfu lil min qed jisirqilhom il-futur tagħhom.
Daphne Caruana Galizia iġġieldet għall-ġustizzja. L-aħjar mod kif nonoraw il-memorja tagħha hu li nibdlu s-sogħba tagħna fi protesta.
Il-ħallelin iridu jagħtu kont t’egħmilhom.
Il-protesta għall-verità u l-ġustizzja titlaq minn quddiem it-Teatru l-Antik fis-7:00pm nhar is-Sibt, 16 ta’ Novembru 2019, u tasal fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta, fejn fis-7:30pm ikollna l-velja ta’ protesta.