Min jaħseb li dawk li jagħtu l-vot tagħhom lill-Partit Laburista huma nies maħkumin b’mentalità tribali li m’għandhomx il-ħila jaslu għal ġudizzju msejjes fuq il-moralità, mhux biss ikun qed jiżbalja bl-ikraħ, iżda jkun qed juri wkoll li hu stess huwa maħkum minn din il-mentalità u li hu stess m’għandux il-ħila li jagħmel ġudizzju morali.
M’hemm ebda rabta bejn dawk li jivvutaw Labour, bejn dawk li jidilettaw bit-trolling fuq il-media soċjali u bejn dawk li jagħlqu għajnejhom u jsoddu widnejhom għal dak kollu li hu minn ewl id-dinja. It-tendenza li għandhom dawk li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jew ta’ imġieba ħażina ta’ sikwit ifarfruhom taħt it-tapit, m’hix waħda li tgħodd biss għal dawk li jivvutaw Labour.
Kemm il-darba nagħżlu li nanalizzaw ir-realtà politika attwali tal-pajjiż permezz tal-għodda tal-polarizzazzjoni, tal-partiġġjaniżmu u tal-preġudizzju tribali, minflok nibdew biex infejquha, l-ferita inkunu qed nagħmluha aktar fonda. Aħna u nissieltu favur il-ġustizzja li jeħtieġ dan il-pajjiż, jeħtieġ li naħsbu għal dak li ser jiġri wara li din il-ġustizzja tkun seħħet.
M’hemmx dubju li l-korrotti jeħtieġ li jħallsu ta’ għemilhom. Min joqtol jeħtieġ li jiġi kastigat bl-aħrax. Il-ferita ma nkunu qatt nistgħu ndewwuha jekk tibqa’ tirrenja l-impunità.
Għalija huwa ċar ħafna li jekk, bis-saħħa tal-ġrajjiet li qed iseħħu bħalissa, l-minoranza fil-pajjiż ser iġġib ruħħa b’mod trionfalistiku għaliex tkun tħoss li r-realtajiet maħmuġin u korrotti li hawn madwarna kienet intebħet bihom ferm qabel il-kotra tal-poplu u jkun hemm min ipinġi kollox bħala taqtiegħa politika tribali bejn ir-rebbieħa u t-telliefa, nistgħu nibqgħu ċerti li s-sitwazzjoni fil-pajjiż se teħżien u mhux titjieb.
Jiżbalja min jassumi li dawk li vvutaw Labour fl-2017 m’għandhomx il-ħila li jagħmlu ġudizzju msejjes fuq il-morali. Fl-2017, mhux kull minn ivvota Labour għamel dan għax deherlu li l-korruzzjoni f’livell ministerjali hi moralment aċċettabbli. Mhux kull minn ivvota Labour fl-2017 għamel dan minkejja li kien jaf li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma mċappsin bil-korruzzjoni.
Ejjew ngħarblu l-kuntest. F’Malta jidher li m’għadniex inħabblu rasna wisq dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Dawn l-allegazzjonijiet kienu jinbtu taħt kull gvern, iżda nistgħu ngħidu li, fi żmien gvernijiet tal-PN, il-korruzzjoni fl-aktar livelli għoljin kienet taħt kontroll u kull meta kienet tinkixef xi korruzzjoni r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista kienet tkun waħda qawwija u kategorika. Xi drabi, bħala Oppożizzjoni kienet iġġib ruħħa b’mod inaċċettabbli. Iżda xi drabi oħrajn, kien ikollha raġun.
U minkejja dan kollu, l-partitarji tal-PN xorta waħda kellhom it-tendenza li jgħaddsu rashom fir-ramel u jibqgħu jappoġġjaw ministru tal-gvern tagħhom li dan kien ikun ġie kritikat minn tal-Labour dwar allegata korruzzjoni.
John Dalli huwa eżempju klassiku. Ma tantx hawn ġurnalisti u kritiċi tal-kalibru ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-PN baqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lil John Dalli jew għenu biex politikament jibqa’ fil-wiċċ minkejja l-fatt li l-imġieba tiegħu kienet għarrqet lir-reputazzjoni tal-partit.
X’qed nipprova ngħid? Qed ngħid li ġaladarba l-partitarji Nazzjonalisti wrew it-tendenza li jgħoddsu rashom fir-ramel, ifarfru l-kritika tal-oppożizzjoni dwar wieħed minn tagħhom għal taħt it-tapit u jibqgħu jappoġġjawh, m’hemm ebda raġuni għaliex m’għandniex nistennew imġieba simili mingħand il-partitarji Laburisti.
Madankollu ħażin nagħmlu jekk naħsbu li dawk li vvutaw Labour fl-2017 se jaslu biex saħansitra jiġġustifikaw il-qtil.
Għal sentejn sħaħ, kemm ilha li ġiet assassinata Daphne, mexxejna kampanja msejsa fuq il-konvinzjoni li nqatlet għaliex kienet tikkritika lill-gvern u tikxef il-korruzzjoni tiegħu. Partitarji Laburisti kienu xettiċi dwar dan u kien hemm minn fosthom li saħansitra xliena li konna qed “nistrumentalizzaw” il-mewt ta’ xi ħadd għall-vantaġġ politiku.
Dawn ikkonvinċew ruħħom li, wara ħamsa u għoxrin sena fil-gvern, tal-PN kienu qed jippretendu li għandhom xi dritt divin li jiggvernaw. Ikkonvinċew ruħħom ukoll li dawk li kienu qed jixlu lill-politiċi tal-Labour bil-korruzzjoni kienu qed jippruvaw jaffermaw dan id-dritt divin. Din kienet il-perċezzjoni tal-votanti Laburisti dwar il-kampanja Nazzjonalista kontra l-korruzzjoni ta’ żmien Simon Busuttil. L-effett kien li dawn il-votanti spiċċaw biex ingħaqdu b’mod tant massiċċ kontra din il-kampanja li lanqas biss seta’ jgħaddilhom minn moħħhom li Joseph Muscat kien qed jagħti kenn lil ministri korrotti.
Ikollna nammettu wkoll li fost il-poplu Malti jeżistu elementi li jiġu jaqgħu u jqumu mill-korruzzjoni. U hemm uħud minn fost il-votanti taż-żewġ partiti li saħansitra l-korruzzjoni jammirawha.
Għaldaqstant b’din il-mentalità ta’ assedju, għal dawn l-aħħar sentejn ir-rabta bejn l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mal-akkużi ta’ korruzzjoni kontra Joseph Muscat u l-gvern tiegħu, l-partitarji tal-Labour qisuha biss bħala attentat biex lill-Partit Laburista jitneħħielu l-jedd leġittimu u demokratiku li jiggverna.
U għal sentejn sħaħ, ma kien hemm ċaqlieq ta’ xejn.
Kien biss meta ġie arrestat Yorgen Fenech li assistejna bidla fix-xenarju: f’dan l-istadju, bosta kienu dawk li bdew jintebħu. M’għandniex xi ngħidu, Yorgen Fenech għandu jitqies bħala persuna innoċenti sakemm ma jiġix pruvat il-kuntrarju. Iżda jkollna nammettu li, fl-imħuħ ta’ dawk li lesti li jirraġunaw u hu liema hu l-partit li appoġġjaw fl-2017, l-arrest tiegħu wassal biex bosta jibdew jifhmu li Daphne kienet tabilħaqq inqatlet minħabba l-korruzzjoni tar-reġim ta’ Muscat.
Fl-imħuħ tan-nies minn kull aspett tal-ħajja, l-arrest ta’ Yorgen Fenech ma fissirx li dan il-bniedem huwa ħati. Madankollu dan l-arrest ikkonfermalhom li l-Pulizija, taħt gvern Laburista, jidhrilha li l-motiv wara l-qtil ta’ Daphne kien tabilħaqq il-korruzzjoni tar-reġim ta’ Muscat.
Daphne nqatlet minħabba x-xogħol li kienet qiegħda tagħmel. In-nies dan fehmitu. Hi x’inhi l-fehma tiegħek dwar il-mentalità tal-partitarji Laburisti, dawn ċertament huma nies li jinkwietaw kull meta jseħħ qtil.
Illum m’għadniex ninkwietaw daqs kemm konna ninkwietaw dari dwar il-korruzzjoni minħabba n-numru kbir ta’ każi ta’ korruzzjoni li kellna. U ma dan l-aspett jeħtieġ li jiżdied il-fatt li l-kultura tagħna tagħlaq għajn waħda għall-korruzzjoni, biex ma ngħidx li tapprovaha.
Madankollu meta jseħħu assassinji politiċi, lil dawn ma nittollerawhomx. Għall-grazzja t’Alla ma kellniex wisq minn dawn. Huwa minnu li lil Karin Grech u lil Raymond Caruana, ż-żewġ partiti għamluhom l-eroj “tagħhom” u niddubita kemm, mal-mogħdija taż-żmien, jista’ jkun hemm min jgħaddilu minn rasu li jgħid li dawn iż-żewġ vittmi kienu qed jistednuha jew kien ħaqqhom li jinqatlu.
Iżda fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia għadna nisimgħu diskors oxxen bħal dan, għalkemm nies bħal dawn qed jonqsu b’rata mgħaġġla ma’ kull ġurnata li tgħaddi.
Is-skiet li jtarrax minn naħa tal-Partit Laburista wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech kien sinjifikanti u seħħew sinjali li dan l-arrest ħeles lill-fatti dwar il-qtil ta’ Daphne mix-xkiel tat-tribalità u daħħalhom fis-saltna tar-realtà oġġettiva.
Bosta kienu dawk il-partitarji li waqgħu fil-muta. Wħud minnhom sa waslu biex bdew jagħmlu distinzjoni bejn il-Partit Laburista u l-mexxej preżenti. Oħrajn tkellmu b’mod anonimu mal-istampa u kixfu x-xquq li bdew ifeġġu fit-tmexxija tal-partit.
F’dan l-istadju, ħażin jagħmel min joħroġ ixejjer il-bnadar tar-rebħa. Dak li qed iseħħ bħalissa – għalkemm pożittiv u nkoraġġanti minnu nnifsu – m’għandniex inqisuħ bħala xi telfa għall-għadu. Meta jirbaħ is-sewwa, l-uniċi telliefa huma dawk li fittxew li joħonqu l-verità. Għalkemm kien hemm bosta li damu biex intebħu l-verità fejn kienet, dan ma jfissirx li dawn kienu kompliċi fis-soppressjoni tagħha. Aħna u nagħmlu l-isforzi tagħna biex inħajru aktar nies jingħaqdu magħna b’riżq il-ġustizzja, lanqas biss għandu jgħaddilna minn moħħna li nippruvaw nikkastigaw lil ħaddieħor b’mod kollettiv. Jekk ifettlilna nagħmlu hekk, inkunu qed nisparaw fuq saqajna.
Għalkemm dejjem bqajna konsistenti fid-determinazzjoni tagħna li nilħqu l-miri li waqgħu fuq ħoġorna hekk kif ġejna f’sensina dakinhar li ġiet assassinata Daphne, jeħtieġ niftakru li xogħolna ma bediex dakinhar li nqatlet. Xogħolna kien inbeda’ meta kienet għadha ħajja u fiż-żmien li hi kienet tilmenta mill-fatt li Malta kienet qed titlef in-normalità tagħha u tarmi l-baħar ir-raġuni u l-ġustizzja b’riżq ir-regħba, l-korruzzjoni u l-impunità istituzzjonalizzata.
Dan il-proċess kien inbeda’ minn Daphne u minn oħrajn u aħna jeħtieġ li nkompluh u nġibuh fi tmiemu. Mhux biżżejjed li naraw li ssir ġustizzja ma’ dawk li qatluha. Jeħtieġ ukoll li niżguraw li Malta terġa’ ssir pajjiż normali f’ġieħ ulied u wlied ulied Daphne u wliedna.
Malta ma tista’ qatt issir pajjiż normali sakemm jibqa’ jkun hemm żewġ tribuwijiet bil-pretensjoni li għandhom xi dritt mogħti minn Alla biex jiggvernaw bl-iskuża li l-avversarju m’għandux il-ħila jagħmel ġudizzju morali.
Nhar il-Ġimgħa fil-belt Valletta fost il-folla kien hemm għall-ewwel darba persuni li fl-2017 ivvutaw Labour. Dan il-fatt waħdu jikkanċella l-leġittimità li kellu Joseph Muscat u ma jippermettilux li jibqa’ mdendel mal-ġustifikazzjoni populista li ddendel magħha biex iżomm is-setgħa u jużaha biex jagħti kenn lilu nnifsu u lill-ħallelin li lil pajjiżna għamluh tagħhom. Dawk li qed jingħaqdu magħna f’dan l-istadju għandna nagħtuhom merħba u mhux kważi kważi nippretendu xi apoloġija mingħandhom.
Din għandha tkun rebħa għal poplu li se juri li għandu l-ħila li joħroġ bil-mod mit-toqba tal-indifferenza u tar-regħba li sab ruħu mwaħħal fiha tul dawn l-aħħar sitt snin.
Jekk ma nagħmlux dan, ma nistgħux nittamaw li s-sitwazzjoni xi darba titjieb u tiġi normalizzata, U dak li bdejna ma nkunux f’pożizzjoni li ntemmuh.